Wednesday, March 26, 2025

L-ewwel pjani biex titneħħa l-piena tal-mewt f’ċerti każi

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-aħħar li ntużat il-forka f’pajjiżna kien fis-sena 1943. Dak inhar kienu inqatlu żewġt aħwa akkużati bi qtil. Wara il-Qorti Kriminali kkundannat  sitt persuni oħra għall-mewt bil-piena tinbidel għal għomor il-ħabs. 

Is-sentenza tal-piena tal-mewt f’Malta, mis-sena 1800 ‘lquddiem ngħatat għal 175 darba. Proprjament inqatlu 118-il persuna, kollha rġiel għax  57 kellhom din is-sentenza mibdula għal għomor il-ħabs. Kien proprju nhar l-4 ta’ Ottubru 1971, li b’vot unanimu l-Parlament Malti neħħa l-piena tal-mewt mill-Kodiċi Kriminali. Lil hinn minn dan imma kien proprju fis-26 ta’ Marzu tas-sena 1965 li l-gvern Malti kien ippropona li jneħħi l-piena tal-mewt f’ċerti każi. 

F’rapport li kien ġie pubblikat f’L-ORIZZONT kien intqal li “l-Gvern Malti qed jipproponi li jneħħi l-piena tal-mewt f’ċerti każi u ‘lquddiem  fil-Kamra tar-Rappreżentanti għandu jitressaq Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-liġi f’dan is-sens.  Il-Ministru tal-Ġustizzja Dr T. Carauna Demajo ta’ avviż ta’ mozioni rigward dan lill-Iskrivan tal-Kamra, is-Sur J. Said Pullicino. Illejla l-avviż tal-mozzjoni ġie ċċirkolat lill-membri tal-Kamra.”

Kien intqal li “l-mozzjoni ta’ Dr. Caruana Demajo tgħid hekk: Illi l-Kamra hi ta’ l-opinjoni li f’ċerti każi l-piena kapitali għandha tiġi abolita.”

Ir-rapport kien qal li “għadu mhux magħruf meta din il-mozzjoni għandha titressaq għad-diskussjoni fil-Kamra tar-Rappreżentanti. Fid-Diskors mit-Tron li kien sar mill-Gvernatur Sir Maurice Dorman fit-28 ta’ Ottubru tas-sena 1963, fil-ftuħ tat-Tieni Sessjoni ta’ l-Assemblea Leġislattiva, huwa kien qal li l-Parlament kien se jingħata l-opportunità li jiddibatti l-kwistjoni diffiċli, iżda importanti, jekk il-piena tal-mewt għandhiex tibqa’ bħalma hemm provdut fil-preżent fil-Kodiċi Kriminali jew tiġi abolita għal kollox jew inkella ‘l-applikazzjoni tagħha tiġi ristretta għal ċerti kategoriji limitati u speċifikati”. 

L-ORIZZONT kien irrapporta li “Sir Maurice Dorman kien qal li din hi l-aktar kwistjoni  illi l-aktar dan l-aħħar ġibdet tant l-attenzjoni ġenerali li l-Ministri jħossu timmerita diskussjoni sħiħa u serja mir-rappreżentanti tal-poplu”. Dan id-Diskors mit-Tron kien sar inqas minn xahar wara li Toni Patiniott kien ġie mogħti l-piena tal-mewt mill-Qorti Kriminali wara li nstab ħati tal-qtil ta’ Manwel Baldacchino fiż-Żejtun fil-Milied tas-sena 1962.  Fil-verdett il-ġurati kienu talbu li tintuża l-klemenza ma’ Patiniott. Aktar tard il-piena tal-mewt inbidlitlu f’għomru l-ħabs.   Il-Malta Labour Party dak inhar kien esprima ruħu għal darba oħra kontra l-piena tal-mewt u talab li tiġi abolita. Dan kien konsistenti mal-politika tal-MLP li fil-Kostituzzjoni ta’ l-Indipendenza proposta minnu kien inkluda t-tneħħija tal-piena tal-mewt. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport