Friday, December 13, 2024

L-ewwel proġett ta’ Vjal Kulħadd: Xogħlijiet bdew fiż-Żejtun u Ħaż-Żabbar 

Aqra wkoll

Infrastructure Malta għaddejja bi proġett biex ittejjeb l-infrastruttura ta’ Triq Żabbar, it-triq li tgħaqqad il-lokalitajiet taż-Żejtun u Ħaż-Żabbar. Il-proġett għandu l-għan li jiżviluppa rotta sigura u iktar aċċessibbli għall-mixi u ċċikliżmu. Dan il-proġett huwa l-ewwel inizjattiva ta’ Vjal Kulħadd, bil-kunsilli lokali taż-Żejtun u Ħaż-Żabbar qed jikkollaboraw flimkien biex itejbu ssigurtà u l-aċċessibilità ta’ triq li tgħaqqad flimkien żewġ komunitajiet. 

Dan il-proġett kien meħtieġ li jsir għax it-triq imsemmija, li tintuża b’mod frekwenti mir-residenti, ma taħsibx għal min jimxi u ċ-ċiklisti. Il-persuni li jimxu minn Ħaż-Żabbar lejn iż-Żejtin minn Triq l-Aħħar Ħbit mit-Torok (taċĊawsli) u jirritornaw lejn Ħaż-Żabbar minn Triq Żabbar ma kellhomx bankini jew linji dedikati għaċ-ċiklisti. Bil-għan li tindirizza dawn in-nuqqasijiet, Infrastructure Malta flimkien mażżewġ kunsilli lokali, bdiet bil-ħidma biex titrasforma Triq Żabbar f’konnessjoni aktar sigura. 

Waqt li t-triq m’għandhiex l-istess wisgħa ta’ Triq l-Aħħar Ħbit mit-Torok, id-disinn il-ġdid xorta jaħseb f’rotta sigura għallpersuni li ma jużawx il-vetturi. Il-proġett, li huwa mifrux fuq kilometru, ser jara s-siġar u l-ħdura preżenti jiġu integrati mad-disinn il-ġdid waqt li ser isir xogħol ta’ manutenzjoni fuq il-ħitan tas-sejjiegħ. Il-proġett ser jinkludi 1,800 metru kwadru ta’ żoni ħodor ġodda u ser jiġu mħawla 80 siġra ġdida.

Ser isiru b’2,150 metru kwadru ta’ bankini u infrastruttura għall-mobilità attiva, waqt li ser tiġi indirizzata kwistjoni eżistenti tal-ilqugħ tal-ilma tax-xita. Il-proġett jilħaq il-miri kollha tal-iskema Vjal Kulħadd li jinkludu konnessjonijiet ġodda ma’ rotot taċ-ċikliżmu li jinsabu diġà fis-seħħ, konnessjonijiet ġodda permezz ta’ bankini jew mogħdijiet bejn il-villaġġi, linji ġodda għaċ-ċiklisti u mogħdijiet għall-mixi li huma estetikament sbieħ. 

“Il-kollaborazzjoni bejn il-kunsilli lokali taż-Żejtun u Ħaż-Żabbar fl-inizjattiva Vjal Kulħadd hija eżempju ħaj ta’ kif nistgħu naħdmu flimkien biex insaħħu l-komunitajiet tagħna,” qal Steve Ellul, Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta. “Permezz ta’ rotot iktar siguri sostenibbli għall-mixi u ċ-ċikliżmu, ser ikomplu nħeġġu mezzi alternattivi ta’ trasport iktar sigur u sostenibbli.” Għal iktar tagħrif dwar Vjal Kulħadd, jekk jogħġbok żur is-sit elettroniku: vjalkulhadd.com

Ekonomija

Sport