Tuesday, December 24, 2024

L-ewwel purċissjoni bil-Bambin tal-Milied fil-Furjana saret ‘il fuq minn 100 sena ilu

Aqra wkoll

Għalkemm ħafna jsostnu li l-purċissjoni bil-Bambin mill-membri tal-MUSEUM nhar lejlet il-Milied bdiet fil-Ħamrun fl-1921, diversi l-anzjani Furjaniżi jikkwotaw lill-membru veteran ta’ din l-istess Soċjetà, Midju Callus – li fl-għoxrinijiet tas-seklu l-ieħor kien l-Assistent Superjur Ġenerali tal-MUSEUM – li kien jgħid li l-ewwel darba li saret il-purcissjoni bil-Bambin tal-Milied kien fil-Furjana. 

Callus kien jgħid li din il-purċissjoni fil-Furjana kienet saret għaliex f’xi ħanut Taħt il-Loġoġ – kif inhi magħrufa mal-Furjaniżi Triq Sant’Anna – kien ikun hemm raġel li jistqarr pubblikament li Ġesù Kristu mhux l-Iben ta’ Alla. 

Din l-ewwel purċissjoni bil-Bambin tal-Milied fil-Furjana saret fl-1920, fi żmien meta l-Qasam (jew fergħa) tas-subien fil-Furjana kien immexxi mis-Superjur Carmelo Callus, li kien ħu Midju. 

Kien wara dan, li l-fundatur tal-MUSEUM, San Ġorġ Preca wera x-xewqa li din il-purċissjoni – li l-istess Dun Ġorġ  kien iħobb isejħilha dimostrazzjoni – tibda ssir f’kull belt jew raħal ta’ Malta u Għawdex fejn kien hemm xi Qasam tas-Soċjetà mwaqqfa minnu.

Dan u tagħrif ieħor dwar il-Milied fil-Furjana matul is-snin, huma parti minn feature speċjali dwar dan l-istess suġġett miktub mill-membru Furjaniż tal-MUSEUM, Joseph Galea, li hu ppubblikat fil-ħarġa ta’ Diċembru tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’ li għadha kemm ħarġet għall-bejgħ. 


L-ewwel paġna tal-ħarġa ta’ Diċembru tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’

Il-feature speċjali, li hu mifrux fuq erba’ faċċati li fihom ukoll numru ta’ ritratti, jagħti ħarsa lejn tradizzjonijiet li baqgħu jiġġeddu minn ġenerazzjoni għal oħra fost it-tfal, żgħażagħ u adulti Furjaniżi.

Din l-istess ħarġa tal-gazzetta Furjaniża, li hi r-raba’ waħda għal din is-sena (2021), tinkludi wkoll feature speċjali ieħor li hu dwar l-istorja movimentata u xi ftit misterjuża, taċ-ċaqlieq ta’ obelisk li sa kważi nofs is-seklu l-ieħor kien hemm fil-Furjana. Illum dan l-istess obelisk jinsab tal-Pietà, wara li kien għamel żmien f’Pembroke minfejn kien għeb għal xi żmien ukoll.

L-istorja riċerkata ta’ dan l-obelisk, fiha wkoll tagħrif miksub minn sorsi fir-Renju Unit għaliex l-obelisk għandu oriġini fil-perjodu li fih Malta kienet kolonja tal-Imperu Ingliż u mijiet ta’ suldati Ingliżi kienu stazzjonati f’pajjiżna, ħafna minnhom fi tliet barracks fil-Furjana.

‘IL-FURJANA’ ta’ Diċembru, li fl-ewwel faċċata tinkludi ritratti ta’ wħud mill-ġrajjiet ewlenin li seħħew fit-12-il xahar li għaddew fil-lokalità, tinkludi wkoll tagħrif u ritratti dwar l-ewwel 300 sena ta’ Portes des Bombes li hu d-daħla ewlenija tal-Furjana. Dan l-anniversarju ħabat din is-sena.

Il-ħarġa tinkludi wkoll diversi faċċati b’aħbarijiet dwar il-Furjana u l-Furjaniżi.

Fil-paġna sportiva hemm analiżi minn Jesmond Moore dwar is-sena kalendarja ta’ Floriana FC fil-Kampjonat Premiere tal-MFA. Tingħata wkoll tislima lill-eks plejer ta’ Floriana FC, Patrick Demanuele li miet f’Novembru li għadda. Patrick kien it-tifel tal-leġġenda Furjaniża, Pullu ‘Koku’ Demanuele.

Min jixtieq jakkwista kopja tal-gazzetta jew jabbona fiha – għal ħlas ta’ 5 Ewro biss fis-sena – jista’ jċempel fuq in-numru 79339649   jew jibagħat email fuq l-indirizz elettroniku [email protected], u jibda jirċeviha d-dar.

Ekonomija

Sport