Il-Ħamrun mill-ġdid mirbuħ minn maġġoranza Laburista – Christian Sammut ġie elett Sindku.
Fil-Floriana, minkejja li l-PL kiseb il-maġġoranza tal-voti, rebaħ żewġ siġġijiet u l-PN kiseb l-istess ammont ta’ siġġijiet, bis-siġġu li kien baqa’ nkiseb mill-kandidat ta’ Floriana L-Ewwel.
Aktar kmieni: Il-Mosta li kienet lokalità missilta ntrebħet mill-PN.
Ħal-Qormi jintrebaħ Mill-PL, Josef Masini Vento bħala Sindku.
Ħal Għargħur intrebaħ mill-Partit Nazzjonalista bħall-aħħar 5 snin.
John Schembri rega’ ġie konfermat bħala Sindku ta’ Ħal Luqa, wara li din il-lokalità żammet maġġoranza Laburista.

Aktar kmieni: Il-lokalità ta’ Kerċem intrebaħ mill-PN għalkemm Il-PL żied sew il-voti.
Il-lokalità tan-Naxxar tintebaħ mill-Partit Nazzjonalista.
Dwar il-Lokalità tal-Gżira. L-ewwel indikazzjonijiet huma li l-Partit Laburista se jkun qiegħed itella’ 5 kandidati, il-Partit Nazzjonalista 3 kandidati filwaqt li jkun hemm kandidat indipendenti. F’din il-lokalità l-PL żamm il-maġġoranza filwaqt li l-PN tilef siġġu hekk kif tela’ kandidat indipendenti.

Neville Chetcuti ġie elett bħala Sindku tal-Gżira.

Il-Kunsill Lokali tal-Qala Għawdex mill-ġdid se jkun qiegħed jitmexxa mill-Partit Laburista fejn Paul Buttigieg mill-ġdid ġie kkonfermat Sindku.

Ikkonfermata wkoll il-maġġoranza Laburista fil-Kunsill tax-Xgħajra, b’Neil Attard ġie kkonfermat Sindku ta’ din il-lokalità.

Aktar kmieni: Il-Partit Laburista mill-ġdid rebaħ il-lokalità tal-Birgu fejn John Boxall reġa’ ġie kkonfermat fil-kariga ta’ Sindku.

Ħ’Attard għal 5 snin li ġejjin se jkun qiegħed jitmexxa mill-Partit Nazzjonalista. Steven Cordina se jkun is-sindku ta’ din il-lokalità.
Il-Partit Laburista jirbaħ il-lokalità ta’ Santa Luċija fejn Charmaine St John ġiet ikkonfermata bħala Sindku.

Kollox qiegħed jindika li l-Partit Nazzjonalista rebħa l-lokalità taż-Żebbuġ Għawdex. Is-Sindku se jkun Pascal Saliba.

Aktar kmieni: Il-Kunsill Lokali tal-Imtarfa jintrebaħ ukoll mill-Partit Laburista b’Dale Heyman se jkun is-Sindku l-ġdid. Heyman għandu 20 sena u se jkun wieħed mill-iżgħar Sindki madwar Malta u Għawdex.

Il-Lokalità ta’ Ħal Safi għal 5 snin li ġejjin se tkun qiegħda titmexxa mill-Partit Laburista, b’Johan Mula bħala Sindku.

Aktar kmieni: L-Isla tintrebaħ b’maġġoranza Laburista. Ċelebrazzjonijiet fis-Sala tal-Għadd tal-Voti fil-Naxxar hekk kif tħabbar li l-Isla se tkun timtexxa mill-PL. Clive Pulis mill-ġdid ikkonfermat Sindku tal-Isla.

Il-Lokalità ta’ Ħal Kirkop tinrebaħ mill-Partit Laburista. Quddiem il-medja ta’ din il-lokalità fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti partirarji Laburisti bdew mill-ewwel jiċċelebraw din ir-rebħa.

Matthew Agius Zammit se jkun is-Sindku ta’ din il-lokalità.

Aktar kmieni: Lokalità li kienet missilta sew hija dik tas-Siġġiewi fejn għal 5 snin li ġejjin se tkun qiegħda titmexxa minn maġġoranza Nazzjonalista. Julian Borg se jkun is-Sindku l-ġdid tas-Siġġiewi.
Hekk kif tħabbar li s-Siġġiewi se jkun taħt it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, partitarji tal-istess partit bdew jgħatu “u ara x għamilnielhom”. Tradizjonalment din il-lokalità dejjem intrebħet mill-PN, ħlief 5 snin ilu meta għall-ewwel darba kienet taħt it-tmexxija tal-PL.
Ta’ min jgħid li 5 snin ilu d-differenza fil-voti kienet ta’ 70 favur il-PL.

Aktar kmieni: San Lawrenz hija lokalità oħra magħluqa u kif ġara tul dawn is-snin din intrebħet mill-ġdid mill-Partit Nazzjonalista b’Noel Formosa mill-ġdid Sindku.

Aktar kmieni: L-ewwel lokalità li fiha hemm l-ewwel indikazzjonijiet hija dik tal-Munxar. Kollox qiegħed jindika li din intrebħet mill-Partit Nazzjonalista kif tradizzjonalment jiġri. Il-lokalità tal-Munxar tinkludi x-Xlendi wkoll.

Aktar kmieni: Ftit tal-minuti ilu bdew jintwerew il-voti lill-aġenti tal-partiti u anke lill-kandidati nfushom. Dan il-proċess jidher li qed jimxi b’ritmu mgħaġġel.

Minn issa ‘l quddiem jibda jkollna l-ewwel riżultati fosthom dawk tal-iżgħar lokalitajiet. Dan hekk kif jintwerew il-voti kollha jibdew jiġu skenjati u ftit tal-minuti wara jkollna l-ewwel riżultati.
Il-voti dubjużi jew li huma ċari li ġew imħassrin qegħdin jitwarbu mill-bqija tal-voti validi.
Aktar kmieni: Daqs kwart ilu bdew jinfetħu l-kaxxi ta’ 23 lokalità. Il-proċess hu l-istess bħal tal-jiem ta’ qabel fejn l-ewwel jitopġġew wiċċhom ‘l isfel, imbgħad għall-ħabta tal-4.00pm jibda l-wiri tal-voti.

Minn hemm ‘il quddiem jibda jkollna l-ewwel indikazzjonijiet fejn marret l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali.
Aktar kmieni: Illum, wasalna fl-aħħar jum tal-għadd tal-voti tal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li saru nhar it-8 ta’ Ġunju li għadda.
L-istess bħal jiem ta’ qabel għall-ħabta tas-2.00pm is-sala tal-għadd tal-voti fin-Naxxar terġa’ tieħu l-ħajja hekk kif illum se jkunu qegħdin jingħaddu l-voti tal-aħħar 23 lokalità.
Il-lokalitajiet li fihom illum se jsir l-għadd tal-voti huma: Swieqi, Ħ’Attard, Ħal-Qormi, Naxxar, Mosta, Floriana, Ħal Luqa, Isla, Ħamrun, Għargħur, Gżira, Kirkop, Siġġiewi, Santa Luċija, Mtarfa, San Lawrenz, Xgħajra, Ħal Safi, Munxar, Birgu, Qala, Kerċem u Żebbuġ Għawdex.
Illum hemm lokalitajiet li huma missielta sew bejn iż-żewġ partit il-kbar fosthom is-Siġġiewi u anke ż-Żebbuġ Għawdex.
L-akbar Kunsill li jrid jiġi elett illum hu dak tal-Mosta u li fih iridu jiġu eletti 13-il kunsillier.
Dan is-sit se jkun qiegħed jaġġorna b’mod kontinwu dak li jkun għaddej fis-Sala tal-Għadd tal-voti kif ukoll se nkunu qegħdin inwasslu l-aħħar riżultati u l-kandidati li jkunu ġew eletti.