Il-Kumitat Olimpiku Malti u s-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali llum ospitaw l-ewwel, minn sensiela ta’ disa’ Roadshows, mtella min diversi unsilli Lokali biex jiġi mogħti għarfien lil pubbliku għal-Logħob tal-Pajjizi ż-Żgħar tal-Ewropa li se jsir f’Malta bejn id-29 ta’ Mejju u l-4 ta’ Ġunju.
L-għan ewlieni ta’ dawn ir- huwa li jinħoloq kuxjenza dwar il-Logħob kif ukoll li tibda tinbena antiċipazzjoni għal dak li hu meqjus bħala wieħed mill-akbar avvenimenti multisport f’Malta.
L-ewwel lokalità li ospitat ir-Roadshow kienet iż-Żurrieq, nhar is-Sibt filgħodu, fejn saru numru ta’ attivitajiet. Dawn kienu jinkludu wirja ta’ Obstacle Course Racing, imtella’ miż-Żurrieq Scout Group, dimostrazzjoni tal-BMX kif ukoll numru ta’ attivitajiet atletiċi u tal-futbol mill-klabbs lokali taż-Żurrieq Wolves u taż-Żurrieq FC.
Minbarra dawn l-attivitajiet, dawk preżenti setgħu jiltaqgħu ma’ żewġ atleti li bħalissa qed jitħarrġu għal possibilta ta’ parteċipazzjoni fil-Logħob. Lacey Aquilina u Shaun Aquilina, kienu preżenti u spjegaw il-preparazzjoni tagħhom qabel il-Logħob li jitħarrġu fl-ibburdjar, Iż-żewġt aħwa huma tfal ta’ Mario Aquilina li ha sehem darbtejn fl-Olimpjadi, u rebaħ wkoll midalja tad-Deheb fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-2003 li saru f’Malta. Iż-żewġ baħrin kellhom ukoll l-opportunità li jiltaqgħu mall-pubbliku preżenti u ngħaqdu ma’ Puka, il-Mascot tal-Logħob, għal mixja madwar il-lokalità.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli faħħret lill-kunsilli lokali li taw il-kontribut u l-impenn tagħhom fl-organizzazzjoni ta’ dawn l-attivitajiet sportivi fil-qalba tal-komunitajiet tagħhom. “Dawn l-attivitajiet sportivi imħejjija għal GSSE Roadshow jagħtu eżempju ċar ta’ kemm il-kunsilli lokali jaħdmu sabiex isiru attivitajiet diversi li jagħtu l-ħajja lil lokalitajiet tagħhom b’mod differenti” qalet Zerafa Civelli. Hija awgurat ukoll lill-atleti kollha li ser jipparteċipaw fil-logħob.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, spjega l-bżonn li noħolqu aktar kultura sportiva fis-soċjetà Maltija. Dawn l-attivtajiet fil-lokalità ta’ pajjiżna jixhdu biċ-ċar dan għax m’hemmx mod aħjar biex isir dan milli fil-qalba tal-lokalitajiet. Dr Bonnici kompla jgħid kif dawn l-attivitajiet sportivi jibnu fuq l-impenn tagħna li niċċelebraw il-kollaborazzjoni bejn il-kommunitajiet, nies u ġnus fil-ġeneri diversi tagħha: “Aħna kommessi li nkomplu nkabbru l-attivizmu kulturali u sportiv f’diversi postijiet f’pajjiżna.”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima fisser l-okkażjoni tal-lum bħala waħda li tgħaqqad il-komunità sportiva mal-poplu Malti kollu. “Qed nistennew bil-ħerqa li nilqgħu lill-atleti, sportivi, uffiċjali u delegazzjonijiet li ġejjin fostna għal dan l-avveniment prestiġġjuż”, qal il-Ministru Grima. “Avveniment li huwa tal-isportivi daqs kemm huwa tal-poplu kollu. B’dan l-avveniment qed ngħollu l-profil ta’ pajjiżna u fl-istess waqt inħeġġu iktar żgħażagħ u iktar tfal jidħlu fid-dinja tal-isport. Imma fuq kollox għal dawn il-logħob qed ninvolvu lil kulħadd għaliex irridu li din tkun esperjenza li mhux biss igawdu minnha l-isportivi tagħna, imma jgawdi minnha wkoll il-poplu b’mod ġenerali”, qal il-Ministru Grima.
Iċ-Ċermen tal-Kumitat Organizzattiv Lokali tal-Logħob Mark Cutajar faħħar l-isforzi tal-Kunsilli Lokali li jorganizzaw dawn l-avvenimenti, it-tim fi SportMalta u l-Kumitat Olimpiku Malti li, flimkien, permezz ta’ dawn l-avvenimenti, mhux biss ser jgħaqdu komunitajiet lokali biex jipparteċipaw b’mod attiv fl-isport, iżda wkoll biex iżidu l-livell tal-appoġġ għall-atleti Maltin fil-Logħob li jmiss.
L-avvenimenti li jmiss se jsiru fil-lokalitajiet li ġejjin Bormla (Is-Sibt 25 ta’ Frar), Ħaż-Żabbar (Il-Ħadd 12 ta’ Marzu), Siġġiewi (Il-Ħadd 26 ta’ Marzu), Pembroke (Is-Sibt 15 ta’ April), San Ġwann (Is-Sibt 29 ta’ April), Ħal Qormi (Is-Sibt 13 ta’ Mejju), il-Belt Valletta (Is-Sibt 20 ta’ Mejju) u r-Rabat, Għawdex (Is-Sibt 27 ta’ Mejju).
Il-Logħob tal-Istati Żgħar tal-Ewropa huma appoġġjati minn SportMalta, NDSF, Welbee’s Supermarket, National Lottery, MITA, General Soft Drinks, Visit Malta, Kumitati Olimpiċi Ewropej, Go u Enemed.