Għadni kif qrajt ir-rumanz BINT L-IMĦABBA MIĊĦUDA miktub minn Joe Cardona, li ħadt pjaċir bih ferm.
Storja intriganti li l-intriċċi li fiha żammewni bil-kurżità matul ir-rakkont kollu. Grajja ta’ familja li qanqlet fija ħafna mistoqsijet illi xi drabi, irriżultaw ukoll f’risposti u sorpriżi mhux mistennija. Episodji li għaddewni minn sekwenza għal oħra sakemm fl-aħħar tar-rakkont, kollox jingħaqad flimkien bħal jigsaw puzzle. Sekwenzi sbieħ, oħrajn sorprendenti, ta’ diżappunt, u xi drabi anki traġiċi.
L-andament tal-istorja huwa wieħed mexxej fejn l-awtur irnexxielu jgħaqqad episodji li jseħħu bogħod minn xulxin b’mod tassew għaqli. Rumanz mingħajr ħafna kumplikazzjonijiet li ħadt pjaċir naqrah għaliex ma fihx tiġbid żejjed. Storja konċiża fejn il-karattri faċilment tħossok tingħaqad magħhom fl-esperjenzi emozzjonanti li jgħaddu minnhom waqt li tkun qiegħda tiżvolġi din il-ġrajja.
BINT L-IMĦABBA MIĊĦUDA huwa l-ewwel rumanz li qrajt mill-pinna ta’ dan l-awtur, u nittama li ma jkunx l-aħħar wieħed għaliex verament għoġobni.
Dan ir-rumanz issibu tixtruh minn www.horizons.com.mt

