Fi tmiem din il-ġimgħa, il-Partit Laburista qed ifakkar l-ewwel sena mir-rebħa elettorali tas-26 ta’ Marzu 2022. Rebħa storika li wasslet għat-tielet leġiżlatura infila, bid-distakk li kiseb il-partit ikun l-akbar wieħed mill-Indipendenza ‘l hawn.
Din ir-rebħa, b’maġġoranza b’saħħitha ta’ aktar minn 39,000 vot, kienet tfisser ukoll l-ewwel mandat ta’ Robert Abela bħala Prim Ministru, li tela’ bl-għajta ta’ “Malta Flimkien, il-Futur Sabiħ.” Dan ir-riżultat wera li l-poplu aċċetta l-1,000 proposta fil-manifest elettorali li l-Partit Laburista ppreżenta għall-elezzjoni.
Wara r-riżultat storiku, il-Prim Ministru rrimarka kif dan il-mandat li ngħata mill-poplu Malti u Għawdxi se jkun qiegħed jissarraf f’ħidma aktar qawwija b’umiltà akbar minn qatt qabel.
Ma nistgħux ma ninsewx kif din l-elezzjoni seħħet fi żmien meta konna għadna ma ħriġnix għalkollox mill-effetti tal-pandemija tal-Covid-19. Dan filwaqt li kienet għadha kemm faqqgħet il-gwerra fl-Ukrajna, li l-konsegwenza tagħha fl-Ewropa kienu kbar.
Bħalma rajna fil-pandemija, l-intervent tal-Gvern kien wieħed kruċjali biex l-ekonomija setgħet tibqa’ għaddejja u biex in-nies baqgħu fl-impjieg. F’waqt minnhom, waqt il-pandemija, Malta kienet imfaħħra għall-mod kif indirizzat din l-isfida tant li kienet meqjusa bħala mudell għad-dinja mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).
F’din l-ewwel sena, bla dubju minkejja li kienet mimlija sfidi, il-Gvern kellu l-kuraġġ li jieħu d-deċiżjonijiet kollha meħtieġa biex dawn l-isfidi dawwarhom f’opportunitajiet. Hawn irridu niftakru wkoll fil-mod kif il-Gvern indirizza l-kriżi tal-enerġija, li wasslet għall-għoli fenomenali tal-prezzijiet. Quddiem din l-isfida, il-Gvern sab fondi biżżejjed biex jissussidja l-għoli fil-prezzijiet tal-enerġija u l-qmuħ u b’hekk kien ta’ sostenn għall-Maltin u għan-negozji.
Infakkru wkoll b’apprezzament il-fatt kif fost il-miżuri kbar hemm illi fl-ewwel mitt jum fil-Gvern, il-Partit Laburista wettaq oħra soċjali meta emenda l-liġijiet dwar l-IVF biex b’hekk bosta koppji setgħu jkollhom wild fil-familja. Hawn ukoll dawn l-emendi wasslu biex it-trattament tal-IVF ikun kollu kemm hu bla ħlas.
Għalhekk aħna naqblu li l-futur huwa sabiħ għalkemm din kienet biss l-ewwel sena minn ħamsa tul din il-leġiżlatura.