“L-ewwel sigħat kruċjali għax jeħtieġu pjan tajjeb biex ma jipperikolawx ħajjet dawk maqbudin u kif ukoll ħajjithom stess”. Iddikjara dan ma’ Talk.mt id-Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili s-Sur Peter Paul Coleiro meta mitlub reazzjoni dwar dak li għaddej fil-belt ta’ Malatya fit-Turkija.
![](https://talk.mt/wp-content/uploads/2023/02/329545242_1242518133282505_8497419077397158711_n-985x1024.jpg)
Coleiro qalilna li għadu kmieni wisq u jeħtieġ li l-uffiċjali jitħallew jaħdmu. Qalilna li qabel ftit tas-sigħat ilu bdew bil-ħidma tas-salvataġġ, l-uffiċjali kienu jeħtieġu ħin biex jippjanaw l-istrateġija tagħhom għax f’sitwazzjonijiet bħal dawn, azzjoni mingħajr ippjanar setgħet tikkawża periklu għal dawk li qegħdin maqbudin fit-tifrik kif ukoll għall-istess ħaddiema li jridu jaħdmu f’sitwazzjoni ta’ periklu.
![](https://talk.mt/wp-content/uploads/2023/02/329317313_731445731846642_3636857106282917855_n-964x1024.jpg)
Intant skont l-ewwel informazzjoni maħruġa mid-dipartiment intqal li mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li hemm mal-120 persuna neqsin wara li ġġarfet lukanda. Madanakollu l-uffiċjali Maltin jinsabu f’kuntatt ma’ mill-inqas tmienja minnhom li jinsabu maqbudin qalb it-tifrik.