Fl-aħħar jiem, fil-Parlament saret seduta speċjali fejn il-protagonisti nfushom u fiċ-ċentru tad-diskussjoni kien hemm it-tfal. Id-diskussjoni kienet titratta fuq it-trobbija pożittiva u s-sehem li għandhom il-ġenituri biex jaraw kif jistgħu jgħinu bl-aħjar mod lil uliedhom anke fil-formazzjoni tal-karattru tagħhom.
Qabel xejn, meta nitkellmu dwar trobbija pożittiva nkunu qed infissru trobbija li tkun fl-aħjar interess tat-tfal, iffukata fuq l-iżvilupp ta’ relazzjoni b’saħħitha bejn il-ġenitur u t-tfal abbażi ta’ komunikazzjoni r-rispett reċiproku.
Irridu nirrikonoxxu iżda li t-trobbija mhix waħda faċli u li jeżistu tipi differenti ta’ familji, b’kulturi differenti. Kull wild huwa individwu u nifhmu li l-problemi mhux ta’ kulħadd huma l-istess. Però jista’ jagħti l-każ li ħafna sfidi jkunu komuni.
Quddiem dan kollu, nemmnu li kienet importanti l-istrateġija nazzjonali għat-trobbija pożittiva li taħseb biex ikomplu jinħolqu aktar programmi u servizzi li jgħinu lill-familji li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet f’dan il-proċess.
It-tfal, sa minn età żgħira, ikunu żgħar iridu lil min jiggwidahom u jagħtihom l-attenzjoni li jixirqilhom. U min daqs il-ġenituri jew il-familjari tagħhom jista’ jagħmel dan? It-tfal jixtiequ wkoll iqattgħu aktar ħin mal-familji tagħhom. Dan urewh b’mod ċar it-tfal infushom fit-tpinġijiet tagħhom fil-wirja “Il-familja minn għajnejn it-tfal”.
Għalhekk nemmnu li jkun għaqli li jinstab dak il-bilanċ meħtieġ bejn ix-xogħol u l-familja. Il-Gvern qiegħed ukoll jimxi f’din id-direzzjoni fid-diversi miżuri li qed jieħu għal dan il-għan.
Ta’ min wieħed jirrimarka li r-riċerka turi li l-ewwel 1,000 jum huma kruċjali fit-trobbija tat-tfal u dan għaliex fl-ewwel snin jgħinuhom jiffurmaw il-karattru tagħhom. It-tfal jixorbu dak li jintqal lilhom f’dan iż-żmien u għalhekk dak li ntuhom fit-tfulija jibqa’ magħhom tul ħajjithom kollha.
It-tfulija eventwalment twassal għaż-żgħożija, li hija dik il-fażi ta’ meta l-bniedem jibda l-vjaġġ lejn il-maturità. Dan iż-żmien mhux biss huwa żmien sabiħ imma wkoll hu espressjoni lejn fejn kull żagħżugħ ikun jixtieq imur.
Fl-isfond ta’ dan kollu huwa essenzjali illi lill-uliedna ntuhom l-aħjar trobbija u dak kollu li jeħtieġu. Nemmnu li l-awtoritajiet għandhom ukoll jibqgħu jippersistu f’ħidma favur il-familja bħala l-post ta’ trobbija tajba tal-ulied.