Saturday, December 21, 2024

L-EWWEL SUMMIT TAL-MED9 F’MALTA

Aqra wkoll

It-tibdil fil-klima u l-immigrazzjoni irregolari se jkunu fiċ-ċentru tad-diskussjonijiet tal-ewwel Summit tal-MED9 f’Malta. Sadanittant, il-Prim Ministru Robert Abela u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, dalgħodu se jmorru Għawdex sabiex jinawguraw investiment fil-qasam edukattiv. 

Dettalji dwar is-Summit tal-MED9 ingħataw waqt briefing li sar lill-ġurnalisti lbieraħ. Laqgħa oħra simili kienet saret f’Ġunju tal-2019, meta Malta kienet ospitat is-Summit tal-Pajjiżi fin-Nofsinhar tal-Unjoni Ewropea, dak iż-żmien kienet magħrufa bħala l-MED7.

Il-laqgħa tal-lum se tibda għall-ħabta ta’ 11.45 a.m. fi Pjazza Kastilja meta jaslu l-Kapijiet ta’ Stat jew tal-Gvern tal-Kroazja, Ċipru, Franza, l-Italja, il-Greċja, il-Portugall, is-Slovenja, is-Segretarju tal-Istat Spanjol responsabbli għall-UE, li jkunu milqugħa mill-Prim Ministru Malti Robert Abela. Flimkien magħhom jaslu wkoll il-President tal-KE Ursula von der Leyen u l-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel. 

Il-mexxejja mbagħad jidħlu fil-Berġa ta’ Kastilja għall-ewwel sessjoni fejn il-parti l-kbira tad-diskussjoni se tkun iddominata mis-suġġett tal-immigrazzjoni. Se jkunu diskussi wkoll ir-relazzjonijiet ma’ pajjiżi li jinsabu fin-naħa t’isfel tal-Mediterran fosthom it-Tuneżija, il-Marokk, l-Alġerija u l-Eġittu.

Wara l-ewwel sessjoni l-mexxejja Ewropej joħorġu fi Pjazza Kastilja fejn hemmhekk jittieħed ir-ritratt uffiċjali. F’pajjiżna wkoll, bejn sessjoni u oħra se ssir laqgħa bilaterali bejn l-Italja u Franza u li preżenti għaliha se jkun hemm il-President tal-KE u l-Prim Ministru Malti, fejn huwa mifhum li se jkunu diskussi xi proposti ta’ kif jissaħħu l-isforzi ta’ bejniethom f’dak li għandu x’jaqsam mal-immigrazzjoni. 

Għat-tieni sessjoni se jattendu d-disa’ mexxejja Ewropej u fost it-temi diskussi se jkun hemm l-Ukrajna, l-ekonomija, il-prezzijiet tal-enerġija, il-kompetittività, is-suq uniku u t-tibdil fil-klima. 

Wara t-tieni sessjoni, il-Kapijiet tal-Istat tal-Gvern ta’ Malta, tal-Kroazja, Ċipru, Franza, il-Greċja, l-Italja, il-Portugall, l-Islovenja u s-Segretarju tal-Istat Spanjol responsabbli mill-UE, jagħmlu dikjarazzjoni konġunta fil-Pjazza tal-Katidral, l-Imdina.

Sadanittant, qabel il-laqgħa tal-MED9, se ssir laqgħa bilaterali bejn il-Prim Ministru Robert Abela u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen fuq il-Gozo Channel. Wara se jmorru jinawguraw investiment ta’ €6 miljun fl-iskola primarja tan-Nadur.

Il-Prim Ministru Abela u l-President tal-KE von der Leyen se jkunu qegħdin jindirizzaw lill-ġurnalisti għall-ħabta tad-9.25 a.m., u wara jinżlu lura Malta b’dgħajsa tal-Forzi Armati ta’ Malta li wkoll ġiet finanzjata b’fondi Ewropej. 

Ekonomija

Sport