Sunday, December 22, 2024

L-ewwel “suwiċidju” minn robot … Allegatament intefa’ sular taraġ għal isfel apposta għax ħadmuh wisq

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

It-teknoloġija llum il-ġurnata hija ferm avvanzata u hija għodda li nużaw il-ħin kollu. Huwa fatt li grazzi għal apparat bħal kompjuter, makkinarju u robots, il-ħajja tal-bniedem saret ferm aktar faċli. Ma kinitx faċlli għal robot mgħammar bl-AI fil-Korea t’Isfel li kien użat fl-amministrazzjoni tal-Kunsill tal-belt ta’ Gumi. Dan għax allegatament, tant ħadmuh li tefa’ lilu nnifsu minn sular għal isfel u waqaf jiffunzjona apposta. Dan qiegħed jiġi rrapportat bħala l-ewwel suwiċidju minn robot fil-Korea. 

It-tmiem “traġika” ta’ dan ir-robot ħalliet lill-membri tal-Kunsill kollu f’lutto. Huwa nstab imkisser mitluq fil-garigor tat-taraġ bejn l-ewwel u t-tieni sular tal-binja. Il-Kunsil ħabbar li r-robot instab bla sinjali ta’ funzjoni wara li waqa’ żewġ metri taraġ.

Għaddejja investigazzjoni

u analiżi fuq il-biċċiet tar-robot

Xhieda fuq il-post qalu li l-uffiċjal robot beda jdur fuqu nnifsu qabel seħħ l-inċident. L-aġenzija tal-aħbarijiet AFP ikkwotat uffiċjal tal-Kunsill li qal li, “minkejja dan, il-kawża eżatta tal-waqgħa għadha qiegħda tiġi investigata mill-awtoritajiet”. L-istess uffiċjal qal li l-kumpanija ġabret il-biċċiet tar-robot biex tagħmel analiżi fuqhom. Fl-organizzazzjoni dan ir-robot kien assenjat ix-xogħol li ta’ kuljum iqassam id-dokumentazzjoni li tidħol, il-promozzjoni tal-belt u li jwassal informazzjoni lir-residenti. 

Ftit wara dan l-ewwel “suwiċidju” minn robot, għadd ta’ mezzi tax-xandir bdew jistaqsu għala wasal għal dan il-pass estrem u fost il-probabbiltajiet diskussi hemm dik jekk dan ir-robot ingħatax wisq xogħol. Huwa kien ilu kważi sena impjegat mal-Kunsill u kien l-ewwel li ntuża b’dan il-mod fil-belt ta’ Gumi. Ir-robot inħadem minn “Bear Robotics” li hija kumpanija startup f’Kalifornja. 

Robots li jridu kwalità ta’ ħajja aħjar?

Il-Kunsill ta’ Gumi ħaddem lir-robot mid-9.00 ta’ filgħodu sas-6.00 ta’ filgħaxija u kien rionoxxut b’mod uffiċjali fis-servizz ċivili mill-awtoritajiet. Filwaqt li robots oħra normalment jibqgħu fl-istess sular, dan ir-robot fil-belt ta’ Gumi kien kapaċi juża l-lift waħdu u jmur f’sulari differenti.

Wara dak li seħħ bl-ewwel robot, il-Kunsill tal-belt ta’ Gumi ħabbar li mhuwiex jippjana li jadottaw it-tieni robot. Dan ir-robot, bħal kull magna oħra, ġie vvintat apposta biex jagħmel xogħol flok il-bniedem. Il-perċezzjoni hija li għall-makni, ma tagħmilx differenza xi kwalità ta’ “ħajjja” jkollhom imma minn dan l-inċident, wieħed għandu x’jagħrbel.

Tajjeb li nsemmu l-fatt li l-Korea t’Isfel huwa wieħed mill-aktar pajjiżi li jużaw robots tant li jingħad li għandhom l-akbar popolazzjoni ta’ robots fid-dinja. Fil-fatt, skont informazzjoni ppubblikata mill-Federazzjoni Internazzjonali tar-Robotika, il-Korea t’Isfel għandha robot industrijali għal kull 10 impjegati.

Ekonomija

Sport