Tuesday, January 13, 2026

L-Ewwel Telfa tal-Leaders tixħet dell ta’ suspens fuq il-FMA Enemed Futsal League  

Aqra wkoll

Il-FMA Enemed Futsal League kompliet toffri ġurnata mimlija azzjoni u riżultati interessanti, fejn rajna wkoll l-ewwel telfa tal-leaders University of Malta Futsal, li tilfu kontra Luxol St. Andrews Futsal f’partita intensa u spettakolari.

GŻR Birżebbuġa St. Peter’s Futsal kisbu rebħa kbira ta’ 9-2 kontra Futsal Selection U17, partita li kienet prattikament deċiża sa tmiem l-ewwel taqsima hekk kif Birżebbuġa fetħu vantaġġ ċar ta’ 7-0.

Min-naħa tagħhom, Futsal Selection U19 kisbu rebħa importanti ta’ 5-1 kontra Sliema Futsal Fort Fitness, suċċess li wassalhom għal sitt punti fil-klassifika u li bih qabżu lil Sliema stess.

Rebħa oħra konvinċenti waslet minn Żejtun Corinthians Futsal WA, li għelbu lil Santa Venera Lightnings Futsal bl-iskor kbir ta’ 12-2. Protagonist assolut kien Abuaisha Nezar Fawzi, li rreġistra sitt gowls personali, prestazzjoni li kkonfermat post Żejtun mal-ewwel ħamsa.

Fil-partita l-aktar mistennija tal-ġurnata, Luxol St. Andrews Futsal temmew l-invincibilità taċ-champions renjanti University of Malta Futsal b’rebħa ta’ 5-3. L-Università fetħu l-iskor permezz ta’ Elmari Mohamed Abdussalam, iżda Negreiros Rosas Murad Luiz Henrique ġab id-draw għal Luxol. Cruz Gutiérrez Roller Santiago reġa’ ta l-vantaġġ lill-Università, qabel Raducu Emil Andrei kabbar l-iskor. Madankollu, Sant’Anna Coriolano Leanderson naqqas id-distakk biex l-ewwel taqsima spiċċat 3-2 favur University of Malta.

Fit-tieni taqsima, Luxol ħarġu aktar aggressivi u determinati. Da Silva Gaiewski Maicon ġab id-draw, filwaqt li Sant’Anna Coriolano Leanderson skorja gowl ieħor biex ta l-vantaġġ lil Luxol għall-ewwel darba fil-partita. Fl-aħħar sekondi, Maicon ikkonkluda r-rebħa b’gowl f’xibka vojta hekk kif l-Università ppruvaw jippressaw biex isibu l-gowl tad-draw.

Wara din il-ġurnata, University of Malta Futsal għadhom imexxu l-klassifika b’18-il punt minn seba’ logħbiet, segwiti minn Luxol St. Andrews Futsal li għandhom 15-il punt minn ħames logħbiet. L-istess total ta’ punti għandhom GŻR Birżebbuġa St. Peter’s Futsal u Marsaskala Futsal Legends, it-tnejn minn seba’ logħbiet. Żejtun Corinthians Futsal WA jinsabu fil-ħames post b’12-il punt, filwaqt li Futsal Selection U19 għandhom 6 punti. Sliema Futsal Fort Fitness u Santa Venera Lightnings Futsal għandhom 4 punti kull wieħed, filwaqt li Futsal Selection U17 għadhom mingħajr punti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport