Saturday, November 16, 2024

L-ewwel tilqim tal-Covid-19 fil-pajjiżi tal-UE

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Min jagħtih lill-infermieri, min lill-anzjani… u min lill-politiċi

Miktub minn GAETANO MICALLEF

Il-pajjiżi tal-UE, fosthom Malta, bdew jagħtu t-tilqima tal-Pfizer għal kontra l-Covid-19 imma waqt li kien hemm min għażel li jagħtiha l-ewwel lill-istaff mediku oħrajn għażlu li jagħtu l-ewwel dożi lill-anzjani u fil-każ tal-Greċja lill-politiċi.

L-UE qed timmira li tipprovdi t-tilqima tal-Covid-19 liċ-ċittadini kollha tagħha sal-aħħar tas-sena 2021.

Hekk kif il-vajant tal-virus li nstab fir-Renju Unit issa nfirex fi tmien stati membri, l-UE tinsab f’tellieqa kontra l-ħin biex tlaqqam kemm tista’ nies – u fl-iqsar żmien possibbli – ħalli s-sitwazzjoni tkun kontrollata.

Il-pajjiżi li sabu dan il-varjant jinkludu Franza, Spanja, id-Danimarka, l-Italja, l-Iżvezja u l-Olanda.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen laqgħet l-għoti tal-ewwel tilqim u qalet li ħassitha emozzjonata tara lin-nies jeħduha madwar il-pajjiżi kollha.

“L-ewwel nipproteġu lill-iktar vulnerabbli. Imbagħad daqt ikollna biżżejjed dożi għal kulħadd”, hija irrimarkat.

Waqt li f’Malta l-ewwel jum tal-għoti tal-vaċċin ra jieħdu t-tilqima tal-Pfizer 55 staff mediku, fosthom l-infermiera Rachel Grech li kienet l-ewwel waħda, madwar l-UE l-ammont ta’ tilqim varja minn pajjiż għal ieħor.

Fl-Italja wkoll kienet infermiera l-ewwel persuna li ħadet il-vaċċin. Claudia Alivernini, li għandha 29 sena u taħdem fi sptar f’Ruma, iddeskriviet dan il-mument bħala wieħed eċċitanti u storiku u l-bidu tat-tmiem tal-pandemija.

L-Italja rċeviet biss 9,750 doża fl-ewwel kunsinja u kien hemm min innota kif gżira żgħira bħal Malta rċeviet iktar meta jitqies li pajjiżna għandu popolazzjoni ta’ madwar 500,000 u l-Italja mas-60 miljun.

Fi Spanja l-ewwel persuna li ngħatat it-tilqima kienet mara ta’ 96 sena li tgħix f’dar tal-anzjani.

Araceli Rosario Hidalgo Sanchez, li tgħix f’residenza tal-anzjani f’Guadalajara, qalet li tittama li neħilsu minn dan il-virus. It-tilqima tagħha kienet murija ‘live’ fuq il-mezzi tax-xandir tal-pajjiż.

Anke l-Kroazja għażlet li tagħti l-ewwel tilqima li waslet fil-pajjiż lil anzjana li tgħix f’dar tal-anzjani.

Branka Anicic, anzjana ta’ 81 sena, sostniet li kienet tinsab kuntenta li issa se tkun tista’ tibda tara lin-neputijiet tagħha.

Franza segwiet fl-istess passi hekk kif mara ta’ 78 sena, identifikata biss bl-isem ta’ Mauricette, ħadet l-ewwel tilqima fid-dar tal-anzjan fejn tgħix f’Pariġi.

L-istaff tad-dar infexxew f’ċapċipa twila hekk kif hija ngħatat it-tilqima f’dan il-pajjiż li qed jimmira li jlaqqam miljun fost l-iktar vulnerabbli sal-aħħar ta’ Frar.

Il-Ġermanja wkoll tat l-ewwel tilqima lil residenta f’dar tal-anzjani b’Edith Kwoizalla, li għandha 101 u tgħid f’Halberstadt, tkun dik li rċevitha.

Minbarra l-anzjani fi djar residenzjali, il-Ġermanja għażlet li tagħti -ewwel vaċċin lil dawk li għandhom ‘il fuq minn 80 sena u l-istaff mediku.

Il-Greċja għażlet triq ftit differenti hekk kif fost dawk li l-ewwel ħadu t-tilqima kien hemm il-politiċi biex iserrħu ras in-nies li l-vaċċin huwa ‘safe’.

Fost dawn kien hemm il-President Katerina Sakellaropoulou u l-Prim Ministru Kyriakos Mitsotakis b’tal-ewwel, li ħadet il-vaċċin fi stpar f’Ateni, tgħid li issa huwa ż-żmien li nieħdu ħajjitna lura u nerġgħu niksbu l-ħelsien.

Pajjiż ieħor fejn kien politiku l-ewwel li ħa t-tilqima kien ir-Repubblika Ċeka bil-Prim Ministru Andrej Babis ikun l-ewwel fil-kju.

Huwa rrimarka li għażel li jeħodha immedjatament għax fil-jum ta’ qabel sema’ mara tgħid fuq it-televiżjoni li kienet se tistenna lilu jeħodha qabel tagħmel bħalu.

Ekonomija

Sport