Friday, November 15, 2024

L-ewwel trapjant ta’ ġuf b’suċċess fir-Renju Unit

Aqra wkoll

Fir-Renju Unit għadha kemm saret operazzjoni ta’ trapjant ta’ ġuf b’suċċess. Id-donatriċi kienet mara ta’ 40 sena li ddeċidiet li tagħti l-ġuf tagħha lil oħtha wara li din tal-aħħar ma setax ikollha tfal.

Din l-operazzjoni qiegħda titqies bħala pass ieħor ‘il quddiem fil-qasam tal-mediċina hekk kif issa dawk kollha li jkollhom problemi bil-ġuf biex ikollhom it-tfal jistgħu jagħmlu din l-operazzjoni.

Il-mara ta’ 40 sena diġà għandha żewġt itfal u kienet deċiża li mhux se jkollha aktar. Min-naħa l-oħra, oħtha kienet ilha s-snin tixtieq li jkollha l-ulied, iżda kienet twieldet mingħajr ġuf. Kien għalhekk li permezz ta’ operazzjoni li damet għaddejja 17-il siegħa, b’żewġ timijiet ta’ professuri, għaddew il-ġuf minn mara għal oħra.

Il-professuri li wettqu dan l-intervent mediku qalu li l-operazzjoni damet aktar milli mistenni, iżda l-ġuf qiegħed jiffunzjona b’mod normali għall-aħħar.

L-operazzjoni saret fl-Isptar Churchill, f’Oxford, ir-Renju Unit. Issa l-professuri li wettqu din l-operazzjoni se jkunu qegħdin jgħaddu l-informazzjoni kollha lil professuri oħrajn biex b’hekk dan it-trapjant jibda jsir f’pajjiżi oħra wkoll.

Ekonomija

Sport