L-EXPO tar-Riċerka u l-Innovazzjoni 2025 serva bħala ċelebrazzjoni tal-ekosistema dejjem tikber tar-riċerka u l-innovazzjoni f’Malta. L-avveniment laqqa’ flimkien riċerkaturi, studenti u partijiet ikkonċernati biex jesploraw aktar minn 35 proġett ta’ riċerka li tlestew permezz ta’ finanzjament ta’ Xjenza Malta, u li jkopru oqsma tematiċi varji fosthom l-ekonomija blu u ekoloġika, is-sostenibbiltà, is-saħħa u l-benesseri, l-inġinerija u l-ICT.

Il-wirja saret f’kollaborazzjoni ma’ Esplora, iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza ta’ Xjenza Malta, bl-għan li jissaħħaħ it-tixrid tal-għarfien u l-involviment pubbliku fir-riċerka. Is-sessjoni ta’ filgħodu kienet iddedikata għall-istudenti sekondarji u postsekondarji, li kellhom l-opportunità jinteraġixxu direttament mar-riċerkaturi u jiskopru l-impatt tar-riċerka fuq il-ħajja ta’ kuljum.
Matul il-konferenza tal-aħbarijiet li segwiet, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti fetaħ l-avveniment fejn saħaq fuq l-importanza li tinħoloq rabta aktar b’saħħitha bejn ir-riċerka, is-soċjetà u l-ekonomija. “Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma muturi ewlenin tal-progress sostenibbli,” qal is-Segretarju Parlamentari. “L-EXPO tal-lum jirrifletti l-impenn tagħna li nagħtu s-setgħa lir-riċerkaturi, ninvolvu liż-żgħażagħ, u nittrasformaw l-għarfien f’impatt. Kburin li qed nuru l-eżitu konkret tal-investiment nazzjonali fir-riċerka u li noperaw bħala pont lejn aktar kollaborazzjoni.”
Il-programm kompla b’diskussjoni f’format ta’ panel dwar kif ir-riċerka innovattiva tista’ titwassal b’mod effettiv għall-kummerċjalizzazzjoni u għal benefiċċji ekonomiċi u soċjali tanġibbli. Fost il-panelists kien hemm rappreżentanti mill-akkademja, mill-industrija u mill-gvern.

Matul l-avveniment ġie mxandar għall-ewwel darba filmat dokumentarju li wera l-istorja u l-impatt ta’ aktar minn 35 proġett ta’ riċerka appoġġati permezz ta’ għaxar programmi differenti ta’ Xjenza Malta. Il-film juri l-firxa, id-diversità u r-rilevanza tal-ħidma tar-riċerkaturi Maltin.
Din l-edizzjoni tal-EXPO introduċiet ukoll l-ewwel Premjijiet ta’ Eċċellenza għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li rrikonoxxew erba’ kisbiet ta’ eċċellenza f’oqsma differenti. Il-Kap Eżekuttiv ta’ Xjenza Malta, Silvio Scerri, ippreżenta l-premjijiet u għalaq l-avveniment fejn enfasizza l-valur tal-innovazzjoni u tal-kollaborazzjoni. “Dawn il-premjijiet jiċċelebraw il-viżjoni, id-dedikazzjoni u l-kreattività li jmexxu ’l quddiem l-ekosistema tar-riċerka f’Malta. Bit-trawwim ta’ rabtiet aktar b’saħħithom bejn l-akkademja, l-industrija u dawk li jfasslu l-politika, qed niżguraw li t-talent u l-ideat lokali jkomplu jagħmlu impatt fil-livell nazzjonali u internazzjonali,” qal is-Sur Scerri.
L-EXPO tar-Riċerka u l-Innovazzjoni 2025 ikompli jafferma l-missjoni ta’ Xjenza Malta li trawwem kultura ta’ suċċess, innovazzjoni u impenn pubbliku permezz tax-xjenza u t-teknoloġija.

