Saturday, December 21, 2024

“L-Eżekuttiv ma jiffigura bl-ebda mod fil-patteġġjament ta’ proċessi kriminali” – il-Ministru Edward Zammit Lewis

Aqra wkoll

L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali huwa istituzzjoni li tgawdi indipendenza fuq livell Kostituzzjonali u ma hija soġġetta għad-direzzjoni jew kontroll ta’ ebda persuna jew awtorità oħra. Dan huwa wkoll in konformità mal-prinċipji u l-ħtiġijiet tal-Istat tad-Dritt. 

Dan iddikjarah il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza Edward Zammit Lewis meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari li saritlu mid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi. 

Dan tal-aħħar kien staqsa lill-Ministru jekk għalih huwiex aċċettabbli li l-Avukat Ġenerali twaqqa’ akkuża ta’ tentattiv ta’ omiċidju volontarju “fejn ikunu ġew sparati iktar minn 60 tir minn kriminali fid-direzzjoni tal-Pulizija waqt hold-up.” 

Il-Ministru Zammit Lewis qal li b’differenza mas-sitwazzjoni fejn tingħata l-maħfra presidenzjali, l-Eżekuttiv ma jiffigura bl-ebda mod fil-patteġġjament ta’ proċessi kriminali u dan ukoll in konformità mal-indipendenza tal-prosekuzzjonijiet fis-sistema legali u kostituzzjonali ta’ Malta. 

Huwa qal li mhijiex il-funzjoni tal-Ministru li jindaħal fid-deċiżjonijiet indipendenti tal-Avukat Ġenerali fl-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tagħha dwar il-patteġġjamenti. “L-Eżekuttiv huwa biss tenut li jirrispetta l-indipendenza tal-istituzzjonijiet u dan ukoll billi jkompli jsaħħaħhom billi jinvesti fihom u jagħtihom il-mezzi biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom b’mod ġust u effettiv.”

Il-Ministru Zammit Lewis temm jgħid li dan il-Gvern huwa impenjat fi proċess kontinwu u bla preċedent sabiex dejjem isaħħaħ l-istituzzjonijiet. 

Aktar kmieni dan ix-xahar, Darren Debono ’t-Topo’ kien ikkundannat għaxar snin u sitt xhur ħabs wara li ammetta l-involviment tiegħu fl-attentat ta’ hold-up fuq il-bank HSBC f’Ħal Qormi, f’Ġunju tal-2010. Dakinhar tal-attentat ta’ hold-up fuq il-bank tal-HSBC kienu ġew sparati diversi tiri bejn il-ħallelin u l-pulizija.

Sadanittant, nhar il-Ġimgħa, Darren Debono t-Topo mistenni jixhed fil-kumpilazzjoni li għaddej Vincent Muscat magħruf bħala l-Koħħu b’rabta mal-istess każ. 

Ekonomija

Sport