Gvern Laburista wettaq riformi fl-2017 u fl-2022 biex għamel eżenti mit-taxxa l-pensjoni tal-istat. Studju riċenti mill-ekonomista tal-Bank Ċentrali, Kurt Sant, jindika li dawn ir-riformi wasslu biex madwar 40 elf familja li tgħix mill-pensjoni raw żidiet sostanzjali fid-dħul disponnibli tagħhom.
L-ekonomista Sant ndika li filwaqt li fl-2022 bħala medja dawn il-miżuri fissru titjib medju ta’ €328 għal dawn l-għexerien ta’ eluf ta’ pensjonanti, sal-2027 dan it-titjib mistenni jitla għal €560, jew kważi €11 fil-ġimgħa. Ta’ min ifakkar li f’dawn is-snin il-pensjonanti gawdew minn l-aqwa żidiet fil-pensjoni li qatt ingħataw waqt li saru eliġibbli għall-benefiċċju addizjonali għall-għoli tal-ħajja. Dan minbarra titjib f’benefiċċji oħrajn, bħall-bonus għal dawk li ma jikkwalifikawx għal pensjoni kif ukoll għall-anzjani li jibqgħu jgħixu f’darhom.
Filfatt fl-analiżi tiegħu tal-miżuri u diskorsi tal-Budgets li ppublika l-ekonomista tal-Bank Ċentrali jirriżulta kif fl-aħħar ħames budgets, kien hemm 210 referenza għall-pensjonijiet, jew medja ta’ 42 kull diskors tal-budget. Dan kien tlett darbiet u nofs l-ammont ta’ drabi li kienu jissemmew il-pensjonijiet fil-budgets tal-aħħar leġislatura Nazzjonalista.
Sant jinnota kif l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-pensjonijiet swiet lill-Gvern madwar €50 miljun f’taxxi mhux miġbura u li sal-2027 dan l-ammont se jiżdied għal aktar minn €64 miljun. Imma l-ekonomista jinnota kif minħabba r-rata ta’ tkabbir ekonomiku sostnut ta’ pajjiżna s-sostennibilita ta’ din il-miżura kien assigurat għax baqgħet tiswa 0.2% tal-ġid nazzjonali minkejja li żdiedet sostanzjalment bħala ammont.
L-istudju jinnota kif din il-miżura għenet biex ikun hemm aktar ugwaljanza fid-dħu. Dan għaliex mentri l-ħaddiema raw żidiet akbar fid-dħul, frott żidiet fil-pagi, miż-żidiet li raw il-pensjonijiet, il-ħaddiema ħallsu parti minn dan id-dħul f’taxxa mentri l-pensjonanti żammew tista tgħid iż-żieda kollha li kellhom.
L-ekonomista tal-Bank Ċentrali jindika wkoll li grazzi għal dawn il-miżuri r-rata ta’ pensjonanti f’riskju ta’ faqar tnaqset b’1.5 punti perċentwali fl-2023. Dan ifisser li din il-miżura ħarġet minn sitwazzjoni ta’ riskju ta’ faqar lil madwar wieħed minn kull għoxrin pensjonant, jew lil madwar 1,500 pensjonant.
Sant jikkonkludi għalhekk li din il-miżura hija ffokata ħafna fuq it-tnaqqis tar-riskju tal-faqar fost il-pensjonanti u kienet ferm effettiva, mingħajr ma kienet wisq ta’ piż għall-finanzi pubbliċi.