Saturday, December 21, 2024

L-FA Brażiljana titlob għal sospensjoni ta’ bosta plejers mill-Premier Ingliż … minbarra Richarlison

Aqra wkoll

Tmien plejers tal-Premier League se jitwaqqfu milli jilagħbu mal-klabbs tagħhom fi tmiem il-ġimgħa wara li l-awtoritajiet tal-football Brażiljan “bdew” regola tal-FIFA biex ma jħalluhomx jilagħbu fil-kampjonat rispettivi.

Liverpool, Manchester City, Chelsea, Manchester United u Leeds United se jkunu affettwati kollha.

Il-plejers li ma jkunux rilaxxati għall-programm internazzjonali jistgħu jiġu sospiżi għal ħamest ijiem skond ir-regolamenti tal-FIFA.

F’dan il-każ, din id-deċiżjoni tkopri l-10 sal-14 ta‘ dan ix-xahar.

Il-Brażil invoka s-sospensjoni wara li l-Premier League waqqaf lill-plejers milli jilagħbu għal pajjiżhom minħabba li kien ifisser ivvjaġġar lejn pajjiżi tal-lista l-ħamra tal-Covid-19.

Plejers li jivvjaġġaw lejn pajjiżi tal-lista l-ħamra kien ikollhom jitilfu diversi logħob mar-ritorn tagħhom minħabba l-perjodu ta‘ iżolament ta’ 10 ijiem meħtieġ skond ir-regoli tar-Renju Unit.

Minbarra li se jitilfu l-logħob ta’ tmiem il-ġimgħa, id-difensur ta’ Chelsea Thiago Silva u l-midfielder ta’ Manchester United Fred,  mhux se jitħallew jilagħbu fil-partiti tal-ftuħ taċ-Champions League kontra Zenit St Petersburg u Young Boys nhar it-Tlieta li ġej.

Madankollu, huwa mifhum li l-Brażil ma talbux biex l-attakkant ta‘ Everton, Richarlison, ikun sospiż għal-logħba kontra Burnley, nhar it-Tnejn. 

L-FA Brażiljan sostniet li ħadet dan il-pass minħabba li Everton ikkoperaw biex Richarlison jitħalla jilgħab fit-tournament tal-Olimpjadi. 

Il-plejers li se jkunu affettwati huma Roberto Firmino, Fabinho u Alisson (Liverpool), Ederson u Gabriel Jesus (Manchester City) u  Raphinha (Leeds U.)

Dan ifisser li tmien klabbs tal-Premier League se jiġu mċaħħda mill-plejers fi tmiem din il-ġimgħa wara passi preċedenti mill-federazzjonijiet tal-football Messikan, Paragwajan u Ċilen, biex iwaqqfu lil Raul Jimenez, Miguel Almiron u Francisco Sierralta.

Huwa mifhum li l-klabbs ġew notifikati bis-sitwazzjoni mill-FIFA u issa qed jikkunsidraw is-sitwazzjoni.

Il-president tal-FIFA Gianni Infantino kien talab lill-gvern tar-Renju Unit biex jipprovdi lill-plejers b’eżenzjonijiet biex jippermettulhom jonoraw l-impenji internazzjonali tagħhom, anke jekk dan kien ifisser li jivvjaġġaw lejn pajjiżi tal-lista l-ħamra.

Huwa mifhum li l-korp governattiv dinji se jkompli jimbotta dan minħabba l-probabbiltà li l-istess sitwazzjoni se tirrepeti ruħha f’Ottubru u f’Novembru.

Il-Premier League jinsab f’kuntatt mal-partijiet interessati biex jipprovaw isibu l-aħjar triq ‘il quddiem.

Ekonomija

Sport