Sunday, December 22, 2024

L-FA Franċiża tressaq ilment fuq il-goalkeeper Arġentin Emiliano Martinez

Aqra wkoll

Il-goalkeeper Arġentin, Emiliano Marti­nez, huwa s-suġġett ta’ ilment uffiċjali mill-FA Franċiża għall-azzjonijiet tiegħu wara r-rebħa ta’ pajjiżu tat-Tazza tad-Dinja fuq Franza 4-2 bl-għoti tal-penalties wara draw ta’ 3-3. 

Dan minħabba li b’mod konsistenti huwa żeblaħ lill-attakkant Kylian Mbappe.

Il-goalkeeper ta’ 30 sena intlemaħ iġorr pupa b’wiċċ Mbappe mwaħħla magħha waqt iċ-ċelebrazzjonijiet fi Buenos Aires, u saħansitra talab għal mument ta’ silenzju finta fid-dressing room wara l-logħba “għall-memorja ta’ Kylian Mbappe”.

Għal din l-imġieba mmatura, huwa ġie mmarkat bħala ‘l-iktar bniedem mibgħud fil-football’.

Il-president tal-FA Franċiża, Noel Le Graet, tkellem dwar kif kiteb ittra formali ta’ ilment lill-kontroparti tiegħu fl-Arġentina, Claudio Tapia, biex juri l-opinjonijiet tiegħu dwar il-kwistjoni. Huwa sostna.

“Issa daqshekk. Iż-żejjed kollu żejjed. L-imġieba ta’ Mbappe kienet eżemplari.”

Minbarra ż-żebligħ tiegħu fil-mira ta’ Mbappe, Martinez  ġie ddeplorat ukoll talli għamel ġest oxxen bit-trofew tal-Ingwanta tad-Deheb – xi ħaġa li huwa qal li ried “jgħaddi messaġġ” lill-partitarji Franċiżi talli bdew jibbuwjawh.  

Mbappe, 23 sena, – li ħa miegħu d-dar t-trofew taż-Żarbun tad-Deheb hekk kif spiċċa l-aqwa skorer bi tmien goals, ma offra l-ebda reazzjoni għall-immaturitá ta’ Martinez u fil-fatt  irritorna għat-taħriġ ma’ PSG aktar kmieni milli kien mistenni.

Il-Ministru Franċiż tal-Ekonomija, Finanzi u Rkupru, Bruno Le Maire, talab ukoll biex il-FIFA tinvestiga lil Emiliano Marti­nez għall-azzjonijiet tiegħu wara r-rebħa tal-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-Arġentina fuq Franza.

“X’qed tagħmel il-FIFA? L-isport huwa dwar il-fair play. Kemm qegħda verament turi rispetti lejn ħaddieħor. Kemm qed turi rispett lejn dawk li tilfu?” huwa qal. 

Ekonomija

Sport