L-FA Ġermaniża (DFB) qed tikkunsidra li tiftaħ kawża legali kontra l-FIFA wara li imponiet li jittieħdu passi dixxiplinari kontra dawk il-players li jilbsu l-faxxa ‘OneLove’ fit-tournament tat-Tazza tad-Dinja.
Dawn il-faxex kienu meqjusa bħala protesta simbolika kontra l-liġijiet fil-Qatar, fejn qed issir il-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja, fejn l-omosesswalità hija illegali.
Il-captains ta’ diversi timijiet Ewropej kienu ppjanaw li jilbsu l-faxxa b’tema tal-qawsalla bħala parti minn kampanja għad-diversità waqt it-tournament ospitat mill-Qatar, iżda rtirraw mill-jagħmlu dan minħabba t-theddida ta’ azzjoni dixxiplinarja tal-FIFA.
“Il-FIFA mponiet projbizzjoni milli nuru sinjal għad-diversità u d-drittijiet tal-bniedem. Huma għamlu dan b’theddid massiv ta’ sanzjonijiet sportivi mingħajr ma speċifikaw x’se jkunu dawn,” qal il-kelliem tad-DFB Steffen Simon.
“Id-DFB qed jieħu pariri jekk din l-azzjoni mill-FIFA hijiex legali,” żied jgħid.
Il-qorti sportiva internazzjonali bbażata f’Lausanne qalet madankollu li l-każ għandu l-ewwel jitressaq quddiem il-Kummissjoni tal-Appell tal-FIFA.
Il-CAS żiedet tgħid li m’hemm l-ebda preċedenza għal dan it-tip ta’ rifjut ta’ awtorizzazzjoni.
Il-partitarji Ġermaniżi semmgħu leħinhom dwar din l-oppressjoni fil-pajjiż tal-Qatar, bil-partitarji ta’ diversi clubs fosthom Bayern Munich u Borussia Dortmund iħeġġu għal bojkotts.
Min-naħa tagħha, l-FA Ġermaniża qed tagħmel dak kollu fil-poter tagħhom biex tibda proċeduri legali kontra l-FIFA.