Monday, December 23, 2024

L-FA Pollakka titlob lill-FIFA biex tinvestiga rapporti foloz dwar razziżmu

Aqra wkoll

L-FA Pollakka se titlob lill-FIFA biex tieħu azzjoni kontra nies li għamlu dak li tgħid li huma akkużi foloz ta’ razziżmu kontra d-difensur Kamil Glik wara taqbida tal-massa sħuna waqt il-logħba kontra l-Ingilterra, qal il-kap tal-Assoċjazzjoni tal- Football tal-pajjiż, Cezary Kulesza.

Il-Polonja qabel kienet qalet li l-players tagħha ma abbużawx razzjalment mid-di­fensur Ingliż, Kyle Walker, waqt il-frakass, li seħħ waqt id-draw ta’ 1-1 fil-logħba ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja li saret f’Varsavja, f’Settembru.

“Jien ħadt deċiżjoni li l-Assoċjazzjoni tal-Football Pollakka biex tapplika lill- FIFA biex tikkastiga lil dawk li akkużaw b’mod mhux ġustifikat lil Kamil Glik b’imġieba razzista waqt il-partita kontra l-Ingilterra,” kiteb Kulesza fuq Twitter.

“Jien kont konvint mill-bidu li dawn l-allegazzjonijiet kienu kompletament fo­loz u għaldaqstant aħna se nintervjenu uffiċjalment.”

Kulesza ma speċifikax fit-Tweet lil min se jimmiraw l-ilmenti.

Il-korp governattiv dinji, il-FIFA, qalet f’Settembru li kienet qed tinvestiga t-tilwima.

Immaġini televiżivi wrew li Glik kien qaras għonq Walker iżda ma kienx ċar jekk dak waħdu kienx ikkawża it-taqbida. Glik u l-player Ingliż, Harry Maguire  ġew murija l-karta s-safra wara l-inċident.

Il-manager Ingliż, Gareth Southgate, ma għamel l-ebda allegazzjoni diretta ta’ razziżmu waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tiegħu wara l-logħba.

L-Assoċjazzjoni tal-Football Ingliża ma rrispondietx immedjatament għal talba għal kumment.

Ekonomija

Sport