Wednesday, October 22, 2025

L-FAQAR: FENOMENU B’ĦAFNA WĊUĦ

Aqra wkoll

Għax jirrikonoxxi li għad hawn faxxa ta’ nies li għaddejjin mill-problema tal-faqar, il-Gvern qed jimpenja ruħu li jtejjeb il-qagħda ta’ dawk li b’xi mod mhumiex qed jiġu affettwati mill-progress ekonomiku li qed jikseb pajjiżna kontinwament. Dan jirrifletti wkoll il-ħidma li diġà wettaq il-Gvern fis-snin li għaddew, li wasslet biex familji u persuni li kienu jgħixu fix-xifer tal-faqar, setgħu joħorġu minn din is-sitwazzjoni. Tant li f’dawn l-aħħar snin, l-ammont ta’ nies li jiddependu fuq il-benefiċċji soċjali għall-għajxien tagħhom naqas sostanzjalment.

Il-faqar għandu diversi uċuħ, fosthom faqar ekonomiku, intellettwali u anke dak soċjali. Għalhekk hemm il-ħtieġa li titkattar il-ħidma f’dawn is-setturi wkoll. Aħna nħossuna konvinti li bil-ħidma tal-Gvern, partikolarment tal-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon, se jkunu qed jiġu indirizzati dawn is-setturi wkoll.

Dan kollu jirrifletti kemm il-Gvern qed jagħti kas il-problema tal-faqar li ilha magħna snin twal u qed jaħdem biex kemm jista’ jkun dan il-fenomenu jonqos drastikament f’pajjiżna wkoll, b’konformità ma’ dak li ddikjarat il-Ġnus Magħquda meta adottat is-17 ta’ Ottubru ta’ kull sena bħala l-jum dinji għall-eradikazzjoni tal-faqar fid-dinja.

Mhuwiex faċli li dan jintlaħaq kif ġieb u laħaq imma bil-ħidma kollettiva ta’ kulħadd, partikolarment f’pajjiżna, nistgħu naslu li nnaqqsu kemm jista’ jkun dawk il-familji li jkunu resqin lejn xifer il-faqar. Niftakru li meta ffaċċjat b’din il-problema ħaddieħor kien qal li l-faqar f’Malta ma jeżistix u huwa biss perċezzjoni. Iżda r-realtà uriet mod ieħor. 

Kif iddikjara l-Ministru Falzon stess fil-jiem li għaddew, filwaqt li rrikonoxxa li għad hemm persuni li għandhom bżonn l-għajnuna, il-Gvern ra kif għamel biex jgħinhom b’budget wieħed wara l-ieħor b’sussidji u żidiet fil-benefiċċji. 

Għalhekk, aħna konvinti li wkoll, fil-Budget għas-sena d-dieħla, li se jiġi ppreżentat nhar it-Tnejn li ġej, il-Gvern, kif għamel f’budgets preċedenti se jkompli jindirizza l-bżonnijiet ta’ dawk vulnerabbli u dawk bi dħul baxx li huma fost l-aktar faxxa qrib ir-riskju tal-faqar fost il-popolazzjoni tagħna. 

Ninsabu konvinti wkoll li l-Gvern mhux se jabbanduna lil dawn il-persuni u dan nemmnuh għaliex il-Gvern għaraf jaffronta kull sfida b’rieda soda u bi mpenn biex is-soċjetà tkun ekwa fejn kulħadd igawdi mill-ġid li jinħoloq fil-pajjiż.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport