Thursday, June 19, 2025

L-FIAU b’9,430 rapport dwar tranżazzjonijiet finanzjarji suspettużi fl-2024

Aqra wkoll

Matul is-sena li għaddiet, it-Taqsima kontra r-Reati Finanzjarji (FIAU) rċeviet mhux inqas minn 9,430 rapporti dwar tranżazzjonijiet finanzjarji suspettużi. Dan l-ammont jixhed żieda ta’ 3% fuq is-sena ta’ qabel.

Dan joħroġ mir-rapport annwali tal-FIAU għall-2024, li tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti waqt is-seduta parlamentari tal-bieraħ. Ir-rapport joffri ħarsa dettaljata ta’ dak li wettqet u kisbet l-FIAU filwaqt li jenfasizza fost oħrajn l-impenn ta’ din it-Taqsima għall-konformità regolatorja u l-kollaborazzjoni ma’ sħab nazzjonali u internazzjonali fil-ġlieda kontinwa kontra l-ħasil ta’ flus u l-finanzjament terroristiku. 

Dan ir-rapport huwa konformi wkoll mal-istrateġija tal-FIAU għall-perjodu 2023 – 2026, li jimmarka pass importanti fl-implimentazzjoni ta’ din l-istess strateġija. Sal-aħħar tal-2024, 25% tal-għanijiet strateġiċi kienu implimentati filwaqt li 58% oħra għaddejja l-ħidma fuqhom.

Fir-rapport jingħad li l-akbar ammont ta’ rapporti dwar tranżazzjonijiet finanzjarji suspettużi saru minn kumpaniji tar-remote gaming, għalkemm it-titjib fit-taħriġ kif ukoll l-appoġġ mogħti qed iwasslu għal żieda fir-rapporti minn setturi varji. 

Fil-kummenti tiegħu, id-Direttur tal-FIAU Alfred Zammit qal li “r-rapport annwali tal-2024 huwa xhieda tad-dedikazzjoni tagħna biex nissalvagwardjaw l-integrità finanzjarja ta’ Malta. Permezz tal-kollaborazzjoni u inizjattivi strateġiċi, nibqgħu determinati fil-ħidma tagħna li nipproteġu l-ġurisdizzjoni tagħna kontra l-kriminalità finanzjarja.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport