S’issa, il-kaċċaturi u n-nassaba Maltin u Għawdxin kollha għandhom ikunu konxji li għadna nistgħu nipprattikaw il-kaċċa u l-insib tradizzjonali fil-Gżejjer Maltin, għalkemm f’ċirkostanzi limitati, grazzi għall-isforzi kontinwi tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK), li permezz tagħhom il-FKNK tikkonvinċi gvern li jifhem biex japplika derogi kif u meta jkun hemm bżonn. Ħafna minn dawn l-istudji u stħarriġ ma jkunux possibbli mingħajr il-parteċipazzjoni volontarja tal-membri tal-FKNK.
Bħal fl-aħħar erba’ staġuni tal-kaċċa fir-rebbiegħa għall-gamiem, l-FKNK se tagħmel stħarriġ simili matul l-istaġun tal-kaċċa miftuħ fir-rebbiegħa tal-2026 biex tiddetermina l-’indiċi ta’ sostenibbilta’ tal-kaċċa tal-gamiem fir-rebbiegħa.
Hekk kif il-Kummissjoni Ewropea dan l-aħħar ukoll dawret l-attenzjoni tagħha fuq il-kaċċa tas-summien, l-istħarriġ ta’ din is-sena se jerġa’ jiġi estiż biex jinkludi s-summien, kif ukoll il-gamiem, iżda se jkun differenti mill-istħarriġ tas-sena l-oħra. L-istħarriġ ta’ din is-sena se jinvolvi l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni bejn irġiel u nisa tas-summien li jinqabad.
Dawk li se jipparteċipaw fil-proġett ta ’Riċerka dwar l-insib tal-Gamiem se jkunu mistiedna wkoll biex jieħdu sehem fl-istħarriġ dwar il-gamiem.
Għaldaqstant, il-membri tal-FKNK huma mħeġġa jipparteċipaw billi jimlew il-formola mehmuża waqt l-istaġuni tal-kaċċa u ’insib’ fir-rebbiegħa tal-2026 u jirritornawha lill-FKNK fi tmiem l-istaġun.
Dawn il-formoli jistgħu jinkisbu permezz ta’ email [email protected] jew minn diversi ħwienet tal-FKNK f’Malta u Għawdex, kif ukoll mill-uffiċini tal-FKNK fl-Imsida.
Fl-aħħarnett, l-FKNK ittenni l-appell tagħha għall-parteċipazzjoni sħiħa tal-membri tagħha u tixtiqilhom staġun tajjeb.

