Il-Futsal Malta Association kitbet paġna ġdida fl-istorja tagħha hekk kif ġie mniedi l-Enemed Women’s Futsal League bl-ewwel partiti li ntlagħbu f’nofs din il-ġimgħa. Dan kien tragward storiku għal din l-assoċjazzjoni li ilha mwaqqfa 12-il sena.
Sadanittant, Lija Athletic Futsal bdew bl-aħjar mod possibbli l-istaġun tagħhom fl-Enemed Women’s Futsal League meta b’wirja konvinċenti għelbu lil Swieqi Futsal 7-3.
Kienet logħba pjaċevoli fejn minkejja t-telfa, Swieqi xorta waħda taw qalbhom għalkemm fl-aħħar mill-aħħar kellhom joħorġu b’idejhom vojta minn din il-logħba.
Ruth Steer Cheetham kienet ta’ ispirazzjoni għal Lija hekk kif skorjat tliet gowls b’Irena Drugovic li żiedet tnejn oħra u b’Jasmin Vella Turner u Sarah Cassar li wkoll niżżlu isimhom fost l-iskorers.
Għal Swieqi skorjaw Vanessa Honairo Carneiro, Krista Montfort u Danna Alejandra Fuentes Alvarez.
F’partita bilanċjata, University of Malta ACJ Group u Santa Margerita AFC temmew il-konfront tagħhom fi draw ta’ 4-4.
Iż-żewġ naħat kienu qed jagħmlu d-debutt tagħhom f’dan il-kampjonat femminili bir-riżultat tad-draw ikun l-iktar wieħed ġust.
Ilenia Navarro skorjat doppjetta għal Santa Margerita filwaqt li Therese Briffa u Rowena Zahra żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom.
Għall-Istudenti Universitarji, Maria Mizzi kienet awtriċi ta’ doppjetta b’Sabrina Pace u Nicole Espinel li sabu wkoll ix-xibka.