Sunday, December 29, 2024

L-FSR tniedi żewġ korsijiet oħra b’xejn bħala parti mill-proġett Skills4Sports

Aqra wkoll

Id-Dipartiment tar-Responsabbiltà Soċjali tal-Football (FSR) fi ħdan il-Malta FA u l-Fondazzjoni Inħobb il-Futbol qed iniedi żewġ korsijiet oħra b’xejn bħala parti mill-proġett Skills4Sports li għaddej.

Filwaqt li jibnu fuq ir-rispons pożittiv għall-kors ta’ Sports Leadership and Management, li sar bejn Frar u Marzu ta’ din is-sena, il-korsijiet li jmiss, li jibdew lejn l-aħħar ta’ Ġunju, se jiffokaw fuq Coaching u Leadership u Sports Event Management.

Il-Malta FA hija waħda minn tmien imsieħba tal-proġett Skills4Sports li għandu l-għan li jżid l-impjegabbiltà tan-NEETs (żgħażagħ li la jistudjaw u lanqas jaħdmu). Taħt l-umbrella tal-programm tal-Unjoni Ewropea ENI CBC MED’, il-proġett għandu tul ta’ sentejn u nofs u huwa ffinanzjat l-aktar mill-Unjoni Ewropea.

Peter Busuttil, il-Kap tad-dipartiment tal-FSR tal-Malta FA li jikkoordina l-proġett Skills4Sports qal: “Irċevejna feedback inkoraġġanti ħafna mill-kandidati li temmew l-ewwel kors ta’ Skills4Sports aktar kmieni din is-sena.

“Skills4Sports ikopri spettru wiesa’ ta’ suġġetti relatati mal-isport u huwa għalhekk li qed norganizzaw żewġ korsijiet oħra dwar il-Coaching u t-Tmexxija u l-Immaniġġjar ta’ Avvenimenti Sportivi. Dawn il-korsijiet se jerġgħu jiġu offruti mingħajr ħlas liż-żgħażagħ f’Malta li jixtiequ jżidu l-għarfien tagħhom dwar l-impjiegi u l-possibilitajiet ta’ karriera fl-isport, speċjalment il-futbol.

“Dan jikkumplimenta l-għan ewlieni ta’ Skills4Sports, jiġifieri li jindirizza d-distakk fil-ħiliet fis-settur tal-isport u jiffaċilita l-aċċess għal impjiegi relatati mal-isport għaż-żgħażagħ.”

Il-kandidati interessati jistgħu japplikaw għall-korsijiet ta’ Skills4Sports billi jibagħtu email fuq [email protected] (ikteb Skills4Sports fis-suġġett).

Il-lectures huma ppreżentati minn esperti u personalitajiet prominenti b’esperjenza kbira f’oqsma relatati mal-isport.

Ekonomija

Sport