Il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) kompliet isaħħaħ l-operat tagħha fil-komunità permezz ta’ aktar investiment fis-servizzi illi toffri flimkien m’aktar ingaġġ ta’ professjonisti.
Fil-fatt l-investiment finanzjarju matul is-sena 2023 laħħaq it-€30.6 miljun, bil-maġġoranza ta’ din l-allokazzjoni jmorru sabiex isostnu s-servizzi offruti bla ħlas għall-klijenti madwar Malta u Għawdex. Matul din l-istess sena, il-professjonisti tal-FSWS ħadmu ma’ 21,000 każ, b’10,000 minnhom għadhom qed jiġu segwiti fuq bażi regolari.
L-Aġenzija Appoġġ kienu l-aktar li ħadmu ma’ klijenti fost is-sezzjonijiet kollha tal-FSWS, meta ħadmu ma’ 9,000 każ filwaqt li d-Direttorat għall-Protezzjoni tat-Tfal ħadmu ma’ 4,360 każ matul is-sena 2023. Is-setturi marbuta mas-saħħa, l-abbuż fuq it-tfal, il-vizzji, il-vjolenza domestika u s-saħħa mentali kienu fost l-aktar servizzi li ntalbu mill-klijenti tal-FSWS.
Dawn id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha kienu diskussi s-servizzi offruti mill-Fondazzjoni matul is-sena 2023.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon enfasizza li l-gvern ser ikompli jsaħħaħ l-investiment soċjali tiegħu. Il-ministru kompla li apparti l-investiment finanzjarju, kommessi li jkomplu bit-tisħiħ ta’ ħaddiema soċjali u servizzi marbuta ma’ realtajiet ġodda bħas-solitudni u nuqqas ta’ kuntatt uman.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti faħħar is-sehem tal-impjegati kollha tal-FSWS, u fisser kif is-servizzi offruti qed iwasslu għal riżultati tanġibbli qed jinħassu f’pajjiżna.