Sunday, December 22, 2024

L-FSWS tippubblika l-affidavits li juru li Nicolette Ghirxi kienet hi li rrifjutat milli tagħmel risk assessment

Aqra wkoll

L-FSWS ippubblikat l-affidavits tal-professjonisti tagħha u qalet li dawn ikomplu jikkonfermaw li fl-ebda ħin huma ma skoraġġew lil Nicolette Ghirxi milli tagħmel ir-risk assessment kif qiegħed jiġi allegat.

L-Aġenzija permezz ta’ stqarrija irreaġixxiet għal stqarrijiet oħrajn li taw xi persuni mal-gazzetta The Sunday Times.

L-FSWS, aktar kmieni llum qalet li kienet qed tippubblika wkoll il-formola relattiva li mtliet minn Ghirxi u kkonfermat bil-miktub li għażlet li ma tagħmilx it-tali risk assessment. L-FSWS saħqet li din kienet l-unika okkażjoni fejn impjegati tal-FSWS kellhom kuntatt magħha.

L-istqarrija tkompli tgħid li r-rapport ippubblikat nhar il-Ħadd li għadda m’għamel l-ebda referenza għall-istatistika dwar persuni li jagħżlu li ma jagħmlux r-risk assessment, minkejja li dan it-tagħrif kien mitlub mill-gazzetta.

“Għaldaqstant, l-FSWS iġġib għall-informazzjoni tal-pubbliku li waqt li fl-2023 kienu saru 607 rapport ta’ vjolenza domestika bejn Jannar u Ġunju 2023, fl-istess perjodu fl-2024 ir-rapporti telgħu għal 1138 u dawk li aċċettaw li jagħmlu r-risk assessment żdiedu minn 562 fl-ewwel sitt xhur tal-2023 għal 770 fl-ewwel sitt xhur tal-2024, żieda ta’ 37%. Fl-istess waqt, fl-ewwel sitt xhur tal-2024 kien hemm 368 persuna li għażlu li ma jagħmlux ir-risk assessment u dawn jirrapreżentaw 32.34% tat-total tar-rapporti li saru,” tgħid l-istqarrija tal-FSWS.

Saħqet li hija lesta tikkopera ma kull inkjesta u / jew investigazzjoni li tfittex li teżamina l-ħidma tagħha kemm f’ dan il-qasam in ġenerali u kemm fuq dan il-kas inpartikolari.

Temmet tgħid li għandha fiduċja sħiħa fil-ħila u l-professjonalità tal-impjegati tagħha u, fuq kollox, fid-dedikazzjoni u l-impenn sħiħ li għandhom biex jgħinu lill-vittmi tal-vjolenza domestika.

Ekonomija

Sport