L-għadd ta’ mwiet minn għargħar f’daqqa li laqat iċ-ċentru ta’ Texas nhar il-Ġmgħa issa tela’ għal aktar minn 100 persuna u numru mhux magħruf ta’ oħrajn għadhom nieqsa.
Timijiet ta’ tiftix u salvataġġ qed ifittxu fix-xtut tax-xmajjar mimlija tajn hekk kif aktar xita u maltempati bir-ragħad għadhom jheddu r-reġjun, iżda t-tama kienet qed tisparixxi li jinstabu aktar persuni erbat ijiem wara l-katastrofi.
Camp Mystic, kamp tas-sajf Kristjan mimli tfal bniet, ikkonferma li mill-inqas 27 tifla u membri tal-staff kienu fost il-mejtin. Għaxart ibniet u kunsillier tal-kamp għadhom ma nstabux.
Sadanittant, il-White House ċaħdet argumenti li tnaqqis fil-baġit fis-Servizz Nazzjonali tat-Temp (NWS) seta’ mblokka r-rispons nazzjonali għad-diżastru.
Mill-inqas 84 mill-vittmi – 56 adult u 28 tifel u tifla – mietu f’Kerr County, fejn ix-xmara Guadalupe. Madwar 22 adult u 10 tfal għad iridu jiġu identifikati.
Richard Eastland ta’ 70 sena, il-ko-proprjetarju u d-direttur ta’ Camp Mystic, ġie rappurtat li miet waqt li kien qed jipprova jsalva kemm jista’ tfal.
Il-NWS bassar aktar maltempati bir-ragħad li jimxu bil-mod, li potenzjalment iġibu aktar għargħar f’daqqa fir-reġjun.
Dan id-diżastru li ddawwar fi traġedja ħa dimensjoni politika tant li kritiċi tal-amministrazzjoni ta’ Trump ippruvaw jorbtu d-diżastru mat-tnaqqis ta’ eluf ta impjiegi fl-aġenzija prinċipali tal-NWS, l-Amministrazzjoni Nazzjonali Oċeanika u Atmosferika.
L-uffiċċju tal-NWS responsabbli għat-tbassir tat-temp fir-reġjun kien qed jitħaddem minn ħames impjegati hekk kif maltempati bir-ragħad bdew jinbtu fuq Texas nhar il-Ħamis filgħaxija, in-numru tas-soltu għal xift ta’ matul il-lejl meta jkun mistenni temp sever.
Is-segretarja tal-istampa tal-White House, Karoline Leavitt, kellha titħabat biex tiskolpa lill-president Trump milli jingħata t-tort, u f’laqgħa informattiva ta’ kuljum nhar it-Tnejn mal-ġurnalisti, hija ddeskriviet dak li ġara bħala li kien att minn Alla, .
“Mhijiex tort tal-amministrazzjoni li l-għargħar laqat meta laqat, iżda kien hemm twissijiet bikrija u konsistenti u, għal darb’oħra, is-Servizz Nazzjonali tat-Temp għamel xogħlu, sosniet Leavitt.
Donald Trump, li mistenni jżur Texas aktar tard din il-ġimgħa, irreaġixxa meta mistoqsi nhar il-Ħadd jekk it-tnaqqis fil-baġits tal-gvern federali kienx fixkel ir-rispons għad-diżastru, u inizjalment deher li xeħet it-tort fuq dak li sejjaħ “is-setup ta’ Biden”, b’referenza għall-predeċessur Demokratiku tiegħu. Fl-istess nifs iżda qal li ma kienx se jwaħħal f’Biden għal dan, u se jgħid biss li din hija katastrofi ta’ 100 sena.