Monday, November 4, 2024

L-GĦAJTA KONTRA L-MOĦQRIJA TAL-ANNIMALI … OĦRA MAL-BQIJA?

Aqra wkoll

U l-kotra qamet f’daqqa u għajtet. Imma meta qiegħed iseħħ dan? Meta qiegħda titkellem il-kotra? Qiegħda tingħata widen u jekk le għalfejn? Nemmnu hija l-istess għajta li qiegħda tispiċċa fi tfesfis fil-widnejn li qiegħda twassal biex l-azzjoni tibqa’ ma titteħidx.

It-tendenza hija li f’episodji li jaħsdu lill-pajjiż ikollok jiem ta’ kontroversja li tilħaq il-quċċata tad-diskussjoni sa ftit tas-sigħat wara u minn hemm terġa’ tibda titbaxxa s-saħħa tal-għajta. Xiehda ta’ dan bla ebda dubju hija s-sitwazzjoni tal-aħħar inċident tat-traffiku fatali f’Ħ’Attard.

Hija ħasra li kellna sitwazzjoni fejn fatalità ddawret f’ballun politiku ta’ min se jipprova jieħu raġun u min se jieħu l-ħtija. Imma l-ħajja ta’ Kacey Sciberras ma kinitx se tinġieb lura. Illum, ftit ġimgħat wara, dawk li ppruvaw jirkbu l-karru politiku reġgħu waqgħu fil-muta.

Fl-aħħar każ li ħasad lil bosta, żewġt iklieb li jidher li nqatlu b’tiri tħallew mixħutin ftit metri bogħod minn xulxin wara ċirkostanzi li s’issa għadhom mhux magħrufa. Dan ma kienx każ iżolat ta’ moħqrija ta’ annimali. Fl-imgħoddi ġew irrappurtati diversi każi ta’ moħqrija li varjat minn annimali jitħallew abbandunati għal oħrajn li jinstabu jew mormijin jew saħansitra jinħarqu ħajjin fost atroċitajiet oħra.

Segwiet is-sejħa tal-Kummissarju tal-Annimali li talbet għal aktar għaqda f’din il-ġlieda kontra l-moħqrija u l-bżonn li din id-darba huma ma jisktux qabel jaraw li tkun saret ġustizzja ma’ min kien responsabbli. F’appell biex dawn il-klieb ma jkunux inqatlu għalxejn u li min hu responsabbli ma jeħlishiex ħafif quddiem il-ġustizzja, is-sejħa hija biex jiħraxu s-sanzjonijiet u penali nklużi l-multi imma.

Nemmnu bis-sħiħ li fadal ħafna xi jsir biex dawn il-każi atroċi ma nibqgħux nisimgħu bihom. Is-setgħa ta’ dan kollu mhix fuq l-ispalla tad-direttorat tal-ħarsien tal-annimali jew l-pulizija imma fuq xi ħaġa li bħala ġurnal ilna nisħqu li hemm bżonn li jkun hemm titjib fiha. Li persuna tinqabad mhix biżżejjed, il-qrati tagħna għandhom jużaw ponn sod kontra l-moħqrija tal-annimali. Għax il-moħqrija tal-annimali hija dannu għaċ-ċivilta.

Il-moħqrija tal-annimali mhix biss dak li nisimgħu fil-midja. Għalhekk nemmnu wkoll li għandha tiżdied is-sorveljanza fuq il-proċess ta’ kif qegħdin jinqatlu l-bqija tal-bhejjem.

Jekk dan il-proċess huwiex uman jew selvaġġ. Mingħajr ma nnaqqsu mill-mertu ta’ l-investiment fil-biċċerija tagħna u postijiet fejn jinqaltlu l-annimali għal-laħam, tajjeb li naċċertaw li l-metodu tal-qtil ikun wieħed tali li s-sofferenza fuq l-bhima tkun minimizzata kemm jista’ jkun.

Sport