Bħal-lum ġimgħa, l-Erbgħa 25 ta’ Marzu, fi skola f’Bergamo, l-Italja, student ta’ 13-il sena attakka lill-għalliema tal-Franċiż tiegħu, Chiara Mocchi b’daqqiet ta’ sikkina f’għonqha u f’sidirha f’nofs ta’ kuritur fl-iskoa stess. Huwa ffilmja wkoll l-attakk. L-għalliema ġiet salvata minn student ieħor ta’ 13-il sena li intervjena b’kuraġġ, ta daqqa lill-aggressur u ġiegħlu jaħrab sakemm twaqqaf mill-istaff tal-iskola.
Qabel l-attakk, fuq Instagram, l-istudent kien qal li jixtieq joqtol lill-għalliema għax kien iħossu umiljat minnha u biex ikisser ir-rutina “tedjanti” ta’ ħajtu. Kien ukoll konxju li peress li għandu inqas minn 14-il sena, ma jistax jiġi proċessat kriminalment fl-Italja. L-investigaturi sabu li t-tifel kien affaxxinat b’każijiet ta’ vjolenza fl-iskejjel fl-Amerika u fir-Russja, u kien ifittex filmati u informazzjoni dwar kif tippjana attakk biex jikseb l-akbar impatt viżiv u psikoloġiku. Dan l-istudent bħalissa qiegħed f’komunità taħt il-kura tas-servizzi soċjali.
Jumejn wara, din l-għalliema kitbet ittra twila. Din li ġejja hija biss silta minnha:
“Naf li dak li ġara xxokkja lil ħafna minnkom. Qanqal biżgħat, mistoqsijiet, forsi anke skoraġġiment. Huwa għalhekk li ngħidilkom: ejjew ma nħallux id-dlam jegħlibna. Lill-istudenti għeżież tiegħi, ngħidilhom tiqfux, taqtgħux qalbkom, studjaw u ppreparaw għall-futur tagħkom mingħajr biża’, imma b’kuraġġ.
Din il-ferita m’għandhiex issir ħajt, imma pont: lejn skola aktar ħanina, lejn komunità aktar magħquda, lejn mod ġdid kif nappoġġjaw lit-tfal, speċjalment lil dawk li qed jitħabtu l-aktar, bħal forsi dak li laqatni, li forsi fil-fond ta’ qalbu lanqas biss ma jaf għaliex. Lanqas il-ġenituri tiegħu ma jafu.
Jekk il-Mulej jagħtini l-grazzja, nerġa’ niġi lura. Nerġa’ lura fil-klassi, fuq l-iskrivaniji, fejn dejjem ħassejt li kont nappartjeni. Nerġa’ lura biex ngħallem, biex nemmen fiż-żgħażagħ, biex nakkumpanjahom fil-vjaġġi diffiċli tagħhom. Għax minkejja kollox, it-tagħlim jibqa’ l-ħolma tiegħi, il-vokazzjoni tiegħi, l-akbar ferħ tiegħi.
Lilkom ilkoll, minn qiegħ qalbi: grazzi. Grazzi talli salvajtuni, appoġġjajtuni, ħsibtu fija, ipproteġejtuni. Grazzi talli tajtuni s-saħħa biex inħares ‘il quddiem, mhux lura, u fuq kollox, il-ħolma li nistgħu nerġgħu nqumu.”

