Monday, December 23, 2024

L-GĦALLIEMA STMATI BIŻŻEJJED?

Aqra wkoll

Il-qari fost it-tfal huwa t-tarġa li hemm bżonn biex il-ġenerazzjonijiet futuri jkomplu jżidu l-għarfien tagħhom u mhux biss ngħollu l-livell edukattiv, iżda isem pajjiżna jkompli jitjieb meta kkumparat ma’ pajjiżi oħra.

Skont l-aħħar rapport internazzjonali, ‘Progress in International Reading Literacy Study’ (PIRLS), kien hemm titjib fis-settur edukattiv Malti, b’kisbiet importanti fuq l-aħħar rapport li kien ħareġ fl-2016. Ir-rapport, li jsir kull ħames snin, huwa analiżi ta’ studju li jsir b’rabta mal-kisba tal-qari fost tfal ta’ madwar 10 snin, ekwivalenti għal Year 5 f’Malta, u janalizza l-ħila tagħhom li jaqraw, jifhmu u jużaw tajjeb dak li jaqraw. L-istudju PIRLS jitmexxa mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali għall-Evalwazzjoni tal-Kisbiet Edukattivi (IEA).

Skont dan ir-rapport il-punteġġ medju tal-qari tat-tfal Maltin huwa ogħla b’mod sinjifikanti mill-medja internazzjonali bir-riżultat li Malta ġiet klassifikata fil-31 post minn 57 pajjiż parteċipanti. Dan ir-riżultat juri titjib sinjifikanti fuq rapporti preċedenti. Fir-rapport tal-2011 Malta kienet ikklassifikat fit-38 post.

Il-Malti jgħid li skont iz-zokk il-fergħa u l-istess jidher mir-riżultati ta’ dan ir-rapport. Fatt interessanti juri li r-rabta ta’ kemm jaqraw it-tfal Maltin hija marbuta ma’ kemm iħobbu jaqraw il-ġenituri tagħhom. Ir-rata Maltija ta’ ġenituri li jħobbu jaqraw hija ta’ 37 fil-mija u hija ogħla b’mod sinjifikanti mill-medja internazzjonali li tinsab fuq livell ta’ madwar 31 fil-mija.

Iżda min huma dawk li huma indispensabbli għal dawn il-ksibiet? Min huma dawk li nafdaw lil uliedna magħhom biex jissawru fil-ġenerazzjoni ta’ għada li hija l-futur ta’ pajjiżna? Min huma dawk li f’idejhom għandhom is-sisien tal-edukazzjoni? It-tweġiba hija waħda faċli u dawn l-għalliema jixirqilhom kull rispett b’mod speċjali dawk li jmorru lil hinn mill-irwol tagħhom fl-iskejjel biex jaraw li l-istudenti jagħmlu l-akbar progress anke fejn hemm problemi soċjali.

Ir-rapport PIRLS juri li l-punteġġ medju fejn jidħol is-sodisfazzjon tax-xogħol tal-għalliema huwa marġinalment ogħla mill-medja internazzjonali. 56 fil-mija tal-għalliema qalu li huma sodisfatti ħafna; 35 fil-mija huma kemxejn sodisfatti; u 9 fil-mija huma inqas minn sodisfatti.

Bla dubju ta’ xejn fid-dawl ta’ dan kollu nemmnu li l-gvern għandu jżomm il-wegħda elettorali tiegħu u bħalma diġà ħa passi fuq ħafna mill-proposti mwiegħda, hekk ukoll jagħmel ma’ dawn l-għalliema u mhux biss jara li s-salarju tagħhom jitjieb b’mod paralleli mal-isfidi li qegħdin jaffaċċjaw biex isawru liż-żgħażagħ t’għada, iżda li jaraw ukoll titjib fil-kundizzjonijiet fuq il-post tax-xogħol bħalma jixraq lil kull ħaddiem ieħor, ġej mil-liema settur ġej.

Ekonomija

Sport