Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?
Minn eta żgħira kont dejjem persuna attiv u interressat fl-isport. Fil-bidu kont nipprattika l-futbol u ngħum u meta kbirt naqra iktar bdejt nilgħab il-waterpolo. Meta saret diffiċli biex inlaħħaq ma’ kollox, iddeċidejt li nkompi l-karriera fil-waterpolo.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Birzebbugia ASC sa issa.
L-esperjenza tiegħi ma’ Birżebbugia ASC hija waħda pożitiva ħafna. Kont għamilt sentejn b’self ma’ Birzebbugia ASC sitt snin ilu u erġajt ingħaqadt magħhom sena ilu. Naħseb li integrajt ruħi sew fit-tim u kuntent bid-direzzjoni li sejrin fiha bħala klabb.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għall-Kampjonat tas-Sajf?
Birżebbugia ASC huwa tim li qed jinvesti bi pjanijiet li jsir wieħed mill-aqwa timijiet tal-waterpolo f’pajjiżna. Għall-Kampjonat tas-Sajf, l-għan tat-tim mhuwiex biss dak li nilagħbu fil-Kampjonat Premier imma nemmnu li nistgħu niksbu xi rebħiet. Kellna pre-season iebes, u bit-tim li għandna bħalissa, nemmen li dan l-għan għandu jkun suċċess!
X’tikkummenta fuq il-kowċ, Edward Aquilina?
Qabel din is-sena ftit li xejn kelli esperjenzi mal-kowċ imma nista’ ngħid li integra fit-tim sew. Naħseb li jmexxi it-tim tajjeb u huwa dedikat biex jagħmel lil Birzebbugia tim kompettitiv.
Kif tqis l-livell tal-waterpolo Malti fil-preżent?
Naħseb li l-livell tal-waterpolo f’Malta il-ħin kollu qed jogħla. Tinduna meta tara l-plejers li telgħin minn kull klabb li jaf jasal żmien fejn nibdew naraw suċċess ikbar fejn jidħol it-tim nazzjonali.
U dak tar riżorsi (pixxini) fejn tilagħbu l-logħob tagħkom?
Din hija waħda mill-ikbar limitazzjonijiet li għandna Malta, imma hija waħda li qed tissolva ftit ftit fejn għanda timijiet bil-pixxini tagħhom stess li huma wkoll imsaħħna. Jekk minix sejjer żball anke l-Pixxina ta’ Birzebbugia għandha tkun imsaħħna mis-sena d-dieħla. Iktar ma jkollna postijiet fejn nistgħu nippratikaw, iktar nistgħu mmexxu dan l-isport ‘il quddiem.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-waterpolo?
Ma tantx jien persuna li nħares lejn il-futur imma iktar lejn il-preżent.Nistinka biex nagħti l-aħjar prestazzjoni li nista’, imbagħad li għandu jiġri jiġri.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’suċċess fil-waterpolo.
Karriera fil-waterpolo tirrikjedi determinazzjoni kbira, mhux biss fiżikament imma anke mentalment. L-isport jirrikjedi ħafna ħin u iktar ma tikber iktar issir diffiċli biex tibqa’ motivat b’taħriġ u logħob kontinwu matul is-sena kollha. Barra minn hekk, huwa wkoll ambjent soċjali fejn, bħala tim, tgħinu lil xulxin tkunu l-aħjar plejers li tistgħu tkunu!