“Irridu naraw sistema iżjed effiċjenti biex niġbru iżjed fliexken b’mod aktar sempliċi mingħajr il-possibiltà li jekk in-nies jirrikorru u jagħmlu d-dover tagħhom jispiċċaw milquta ħażin jew agħar minn hekk imorru minn taħt għax ma jirkuprawx id-depożitu li jkunu ħallsu.”
Iddikjara dan is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia lbieraħ fil-Parlament meta ssoktat id-diskussjoni dwar ir-rapport annwali dwar l-iżvilupp sostenibbli għas-sena 2023, fejn huwa ffoka fuq l-iskema ta’ Rifużjoni tal-Kontenituri tax-Xorb (BCRS).
Is-Segretarju Parlamentari Farrugia saħaq li llum għandna sitwazzjoni fejn ir-rata ta’ ġbir hija ogħla, u għaldaqstant minħabba li n-nies qed jikkoperaw, qed tinħoloq sistema fejn mil-lat ekonomiku mhijiex qed tkun vijabbli. “Il-punt kardinali li jien insaqsi f’dan l-istadju hija: l-operatur kemm hu f’sitwazzjoni li jkompli jinvesti biex jindirizza dawn l-isfidi bħala parti mill-obbligi tiegħu li qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom in-nies?”.
Is-Segretarju Parlamentari żied jgħid li meta tħares lejn il-mod ta’ kif qiegħda topera din l-iskema, joħroġ aktar biċ-ċar li l-operat tagħha jrid ikun wieħed effiċjenti għaliex inkella d-dubju fost in-nies ikun raġunat dwar għalfejn ċertu bidliet ma jseħħux.
“U dik li rridu nirranġaw u nibdlu fil-mod kif topera l-iskema biex l-operatur jagħmila faċli għan-nies, u mhux l-isforz tan nies iservi bħala diżinċentiv ewlieni. L-għan tas-sostenibbiltà ambjentali qed jintlaħaq iżda il-vijabbiltà ekonomika mhijiex,” qal is-Segretarju Parlamentari.
“Ir-raġuni għalfejn hawn dan it-tgergir, mela, huwa minħabba li min għandu l-obbligu u r-responsabiltà li jopera skema li tirriċikla mhux qed jopera b’mod suffiċjenti. Dak li semmejt Sur President, huwa l-bażi u dak li huwa neċessarju li jiġi indirizzat b’mod immedjat mingħajr aktar dewmien,” tenna s-Segretarju Parlamentari Farrugia.