Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol kienet hemm mindu kont żgħir. Kont nittrenja u nilgħab minn etá żgħira ta’ tmien snin, insegwi l-futbol lokali kull tmiem il-ġimgħa billi mmur nara l-logħob Ta’ Qali u minn dejjem kont insegwi l-futbol internazzjonali, l-aktar dak Ingliż.
Sa 36 sena bqajt nilgħab, fejn qattajt l-aħħar seba’ snin nikkompeti u nilgħab fil-futsal.
Fl-istess perjodu, bdejt il-kowċing, fejn kont bdejt mal-Under 10 tal-Marsa FC, u komplejt nikkowċja f’kategorija akbar mal-istess klabb. Wara kont imxejt ma’ Zebbug Rangers FC, fejn qattajt għaxar snin nikkowċja fin-nursery u anke kont involut mat-tim tal-kbar (staġun 23-24). F’dawn l-għaxar snin tgħallimt ħafna bħala kowċ u kelli x-xorti wkoll li nirbaħ promozzjonijiet fis-settur tal-youths. Bħala kowċing, għamilt sentejn, li fihom ksibna riżultati pożittivi ħafna, bħala kowċ tat-tim tal-kbar ta’ Ta’ Xbiex, fejn fit-tieni staġun tiegħi mal-klabb, konna ksibna ammont tajjeb ta’ punti fil-kampjonat, għaddejna sal-kwarti tal-finali tat-Tazza, u ħloqna tim ta’ Ta’ Xbiex FC li kien jinżel għal kull logħba biex jirbaħ u jikseb riżultat pożittiv. L-għan tiegħi dejjem kien li nipprova nbiddel il-perċezzjoni tal-klabb billi nibdew niksbu riżultati pożittivi u nġibu mal-klabb plejers li kellhom ċertu profil fil-futbol Malti, avolja ma kellniex riżorsi finanzjarji u l-plejers ma kellhom ebda dħul finanzjarju.
Wara l-avventura ma’ Ta’ Xbiex FC li minnha tgħallimt ħafna, kont ġejt ikkuntattjat mill-kowċ Jacques Scerri biex immur ma’ Tarxien Rainbows FC (staġun 22-23) u kont isseħibt magħhom f’Diċembru, fejn tul dak il-perjodu kont ħloqt relazzjoni tajba ħafna mal-kowċ, u kien għalhekk li meta ċempilli fil-bidu ta’ dan l-istaġun li għadu kemm intemm, jien mill-ewwel aċċettajt li nerġa’ naħdem miegħu. Fl-istaġun ta’ qabel kont assistant coach ma’ Zebbug Rangers FC.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala assistant coach ta’ Tarxien Rainbows FC.
Kienet esperjenza pożittiva ħafna u li tatni ħafna sodisfazzjon. Li tirbaħ promozzjoni għall-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti, diġá huwa ta’ sodisfazzjon kbir, iżda l-akbar sodisfazzjon tiegħi kien il-mod ta’ kif ħdimna bħala staff tekniku u l-mod ta’ kif irreaġixxew il-plejers għal dak kollu li konna naħdmu u nippjanaw għalih. Kien hemm rispett kbir bejn iż-żewġ naħat, u din kienet waħda mir-raġunijiet prinċipali għaliex ksibna dan is-suċċess – l-għaqda fit-tim ta’ Tarxien Rainbows FC kienet b’saħħitha wisq.
Kemm taħdem spalla ma’ spalla mal-kowċ, Jaqcues Scerri?
Il-kowċ Jacque Scerri huwa kowċ metikoluż ħafna, ifittex id-dettall, u jaħdem b’mentalitá rebbieħa. Karatteristiċi li għandi ħafna minnhom jien ukoll. Dan żgur kien wieħed mill-ħafna fatturi għax ħdimna daqshekk tajjeb flimkien. Qattajna sigħat twal kuljum nippreparaw it-tim teknikament u tattikament bl-aħjar mod possibli għal kull logħba, b’riżorsi limitati speċjalment f’dak li huwa HR. Il-kowċ Jacques, imbagħad għandu experjenza kbira – diġá kien rebaħ diversi promozzjonijiet, ikkowċja fl-Ewropa ma’ Balzan FC u anke rebaħ wieħed miż-żewġ unuri kbar li wieħed jista’ jirbaħ fil-futbol Malti – l-FA Trophy. Personalment, nitgħallem nista’ mingħandu.
X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess wara l-kisba tal-promozzjoni minn Tarxien Rainbows FC miċ- Challenge League għall-Malta Premier?
Kif semmejt aktar qabel, id-dettall li konna nidħlu fih u nippreparaw bih għal kull logħba, u aktar minn hekk, l-għaqda kbira li kellna fit-tim – veru każ ta’ familja waħda.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Il-livell huwa wieħed sodisfaċenti, u tattikament inħoss li għamilna avvanz kbir, iżda naħseb li teknikament għandna bżonn nipproduċu plejers aħjar, u biex dan iseħħ hemm bżonn li jkollna kowċis tajbin ħafna fis-settur taż-żgħar speċjalment mill-Under 10 sal-Under 14. Min-naħa tal-kbar, il-plejers barranin jagħmlu differenza kbira. Importanti li dawn ikunu ta’ livell aħjar mill-plejers lokali, għax minbarra li jgħollu l-livell tat-tim u jagħmlu d-differenza, jgħinu biex jitjieb il-livell waqt it-taħriġ li finalment iwassal biex il-plejers l-oħra jgħollu l-livell tagħhom.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Kollox għadu limitat, riżorsi għadhom fjakki f’ħafna klabbs. Nuqqas ta’ HR, nuqqas ta’ apparat neċessarju, u anke l-ħinijiet ristretti li wieħed għandu biex jaħdem mal-plejers. Minkejja dan kollu, meta tkun fix-xena qed tara u tmiss ir-realtá b’idejk, nemmen li qed isiru l-mirakli, forsi ħafna aktar milli wieħed jista’ jimmaġina fis-sitwazzjoni li qegħdin fiha.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Il-futbol illum il-ġurnata sar xogħol għax jeħodli ħafna ħin, iżda l-passjoni għadha hemm, u sakemm nibqa b’din il-passjoni se nibqa’ naħdem u nkompli navvanza f’din il-logħba li tant inħobb.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jilgħab il-futbol.
Il-futbol jagħtik sodisfazzjon kbir, u jgħinek tgħix emozzjonijiet differenti. Bħall-ħajja fil-veritá, se tgħix is-suċċess u anke żminijiet inqas ta’ suċċess. Il-futbol jgħinek tikber bħala persuna, tagħmel ħafna kuntatti, u jagħtik il-kunfidenza. Ovvjament, dan jiġri biss jekk verament tieħdu bis-serjetá, taħdem kontinwament, u ma taqta’ qalbek qatt!