Wednesday, January 1, 2025

L-GĦAQDA GĦANDHA TKUN RIŻOLUZZJONI GĦALL-2025

Aqra wkoll

Kull bidu ta’ sena ġdida kważi dejjem ikun karatterizzat minn riżoluzzjonijiet li jsiru. F’dawn iż-żminijiet ħafna drabi jsiru stqarrijiet ta’ kemm għandna ningħaqdu bħala poplu u nwarbu d-differenzi li jista jwesggħu l-firda bejnietna. Għalhekk, kull wieħed u waħda minna għandna naħdmu biex dan l-ispirtu ta’ għaqda li segwejna fil-granet qaddisa tal-Milied nsegwuh ukoll fil-jiem kollha tas-sena.

F’kuntest differenti iżda, nħossuna verament diżappuntati illi dan l-ispirtu ta’ għaqda fis-sena 2024 ma tantx kien fuq l-aġenda ta’ xi wħud. Dan meta bqajna naraw ċertu għaqdiet jagħmlu minn kollox biex jattakkaw u joskuraw lill-istituzzjonijiet kruċjali fil-funzjoni ta’ pajjiżna bħala stat demokratiku.

Dawn mhux biss qed juru li baqgħu ma mmaturawx imma jidhru wkoll li anki fis-sena li għadha kif bdiet se jkomplu minn fejn ħallew fis-sena li għadha kemm intemmet. Bħal donnhom jaħsbu li jekk jibqgħu jattakkaw l-istituzzjonijiet se jikbru bħala organizazzjoni jew li jkabbru lejhom is-simpatija tal-poplu. Donnhom ukoll li lanqas jemmnu fil-qawl Malti illi dak li tiżra taħsad.

Il-poplu ta aktar minn prova waħda li ma jridx ikollu x’jaqsam ma’ min moħħu l-ħin kollu biex jimmina l-operat tal-istat, mhux biss f’pajjiżna imma anki ‘l barra minn xtutna.

Fuq kollox, pajjiżna ma jixraqlux li jkollu min minn ħdanu stess li jkasbru. Nittamaw għalhekk li tattiċi bħal dawn ma jibqgħux isiru għaliex jekk issir ħsara, din issir lil kull wieħed u waħda minna u mhux biss lil xi naħa jew oħra.

Nittamaw ukoll illi tul is-sena li għadna kif bdejna, kulħadd iżomm mad-dmir li jgħolli u mhux iċekken isem pajjiżna. Dak kollu li bnejna matul is-sena li għaddiet, fejn għollejna bil-kbir ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna fix-xena internazzjonali, għandna nkomplu nindokrawh dejjem u kullimkien.

Għalhekk, l-importanza tal-għaqda fostna li ilha tisħaq fuqha sa mill-bidu tal-Presidenza tagħha Myriam Spiteri Debono, għandna nsostnuha bil-fatti u mhux bil-kliem biss. L-għaqda fost il-poplu m’għandniex narawha sseħħ biss f’xi maratona ta’ ġbir ta’ fondi imma f’kull jum li aħna ngħixu. B’hekk biss inkomplu nikbru u nissaħħu bħala nazzjon wieħed u magħqud.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport