L-Għaqda Ħbieb tal-Presepju Malta bħalissa għaddejja b’wirja ta’ presepji fil-Ministeru għall-Politika u d-Drittijiet tat-Tfal, il-Belt Valletta. Din il-wirja hija parti mill-ħidma ta’ din l-Għaqda biex tħeġġeġ u tappoġġja lil kull min jaħdem biex isaħħaħ it-tradizzjoni tal-Presepju fil-Milied Malti.
L-Għaqda Ħbieb tal-Presepju, li twaqqfet fll-1986, tnediet bil-għan li terġa’ żżid il-popolarità tal-Presepju fil-familji u d-djar Maltin, kif ukoll biex tkabbar is-sens ta’ ħbiberija fost id-dilettanti tal-presepju. Din tappoġġja lill-artisti lokali li jesprimu l-presepju fix-xogħol tagħhom billi torganizza korsijiet kif ukoll laqgħat dwar il-presepju u l-bini tiegħu.
Filwaqt li bħalissa għaddejja b’wirja mill-isbaħ bi presepji ta’ kull tip, ix-xewqa tal-Għaqda Ħbieb tal-Presepju hija li f’Malta twaqqaf mużew jew wirja permanenti tal-presepju. Barra minnhekk, mira oħra hija dik li toħloq relazzjoni ma’ għaqdiet simili kemm lokalment kif ukoll barra minn xtutna biex flimkien jaqsmu ideat u informazzjoni dwar it-tradizzjonijiet tal-Milied iċċelebrati madwar il-presepju.
Kull min jixtieq aktar tagħrif jista’ jċempel fuq 21436174 jew iżur il-website: www.presepjumalta.org inkella jibgħat email fuq l-indirizz elettroniku: [email protected]