Tuesday, June 10, 2025

‘L-għaqda li hemm fit-tim tagħna kienet importanti ħafna biex niksbu dan s-suċċess’ – Luca Gatt

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn ta’ etá żgħira. Kont inħobb nsegwi l-futbol internazzjonali, filwaqt li dejjem kont nkun ħerqan għat-taħriġ mal-club.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Pietá Hotspurs FC.

L-esperjenza tiegħi mal-Pietá sa issa kienet waħda sabiħa u pożittiva ħafna. Ili ma Pieta’ mill-Under 13, issa ninsab fl-aħħar sena tal-minors filwaqt li fl-aħħar sentejn kelli ċ-ċans li nilgħab ukoll mat-tim tal-kbar.

X’tikkummenta fuq l-andament ta’ Pietà matul l-istaġun li għadda?

Ovvjament konna diżappuntati li t-tragward tal-promozzjoni ma lħaqnihx, peró nemmen likollox ma’ kollox kellna staġun pożittiv u li minnu nistgħu nkomplu nibnu biex inkunu aħjar l-istaġun li ġej.

X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess wara r-rebħ tal-BOV Challenge Cup, fil-jiem li għaddew?

Jien naħseb li l-għaqda li hemm fit-tim tagħna kienet importanti ħafna biex niksbu dan s-suċċess. Ovjament ridna nieħdu din l-opportunita biex nsarfu x-xogħol kollu li għamilna dan l-istaġun u ntemmu l-impenji tagħna fuq nota pożittiva.

X’tikkummenta fuq il-kowċ Manuel Caruana u l-assistent tiegħu Joseph Farrugia?

Naħseb li kemm il-kowċ Manuel u anke l-kowċ Joseph huma żewġ kowċis li jaħdmu bla waqfien biex aħna bħala individwi u anke bħala kollettiv, inkomplu ntejbu l-livell tagħna. Ħafna mit-taħriġ jinvolvi xogħol fid-dettall u naħseb li l-fatt li t-tnejn li huma lagħbu l-futbol jifhmu aktar kif inħossuna aħna l-plejers f’ċerti sitwazzjonijiet.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Bħalma jaf kulħadd, minħabba li l-ammont ta’ plejers barranin fil-Malta Premier żdied, ħafna plejers Maltin ta’ livell tajjeb qegħdin jinżlu jilagħbu fiċ-Challenge League biex ikollom aktar ħin ta’ logħob.  Dan qed iwassal biex iċ-Challenge League ikun aktar kompetittiv.

U dak tal-grawnds fejn tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Aħna nilgħabu l-logħob tagħna fis-Centenary Stadium u fil-Victor Tedesco Stadium. Naħseb li huma żewġ grawnds tajbin.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol? Għad narawk kowċ ‘il quddiem?

Inħares ‘il quddiem biex inkompli nikber u nieħu aktar esperjenza fiċ-Challenge League. Għalkemm mhux faċli naspira li ‘l quddiem nilgħab fil-Malta Premier. Għalissa għad m’għandi l-ebda ħajra li nsir kowċ, biss peró mhix xi ħaġa li neskludi milli nagħmel fil-futur.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Il-messaġġ tiegħi hu li dejjem għandek temmen fil-kapaċitajiet tiegħek, tkun motivat f’dak li qed tagħmel u tagħti l-massimu tiegħek, kemm waqt t-taħriġ u anke waqt il-logħob.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport