Monday, June 9, 2025

L-għaqda m’hawnx isbaħ minnha … kull logħba li kellna f’dan il-kampjonat ħadniha bis-serjetà – Fatimah Abugrin

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-basketball?

Mil-etá ta’ tliet snin kont bdejt bil-ballet u l-ġinnastika. Maż-żmien bdejt ukoll l-atletika. Peró, minn etá żgħira ħafna flimkien mal-familjari tiegħi dejjem insegwi l-isport inġenerali fuq it-televixin. Missieri kien futboler u ommi kienet involuta f’diversi sports fosthom il-basketball, ġinnastika u netball. Meta missieri ġieli tħarreġ id-dar bil-weights dejjem kont nipprova nagħmel bħalu. Trabbejt nara lil ommi u ħuti jilagħbu n-netball. Kont nara kemm kienu jieħdu gost u la nkun hemm dejjem b’xi ballun f’idejja, nosserva u nipprova nagħmel bħalhom. Kont ngħid li anke jiena nixtieq nkun bħalhom xi darba. Malli ratni interessata fin-netball, ommi offrietli li teħodni nipprova sport li jinkludi ballun u b’hekk daħħlitni fil-basketball filwaqt li komplejt nipprattika l-atletika u l-ġinnastika. Applikatli biex nidħol nilgħab il-basketball mal-Hibernians, u dak iż-żmien kelli sitt snin. Kont eċċitata ħafna l-ewwel darba li mort għax kont diġà naf ftit kif nixxuttja u kif nqassam il-ballun. It-tim li dħalt miegħu laqgħuni b’idejhom miftuħa u għamilt ħafna ħbieb. Minn hemm l-imħabba tiegħi lejn il-basketball żdiedet u għażilt li niffoka fuqu. Illum il-ġurnata qiegħda nattendi l-iSkola Nazzjonali tal-iSport (NSS).

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek mat-tim ta’ taħt l-14-il sena ta’ Hibernians BC.

Jiena dejjem kont mal-Hibs u nħossni parti minn familja hemm. Din is-sena, fl-etá ta’ 11-il sena, kienet l-ewwel sena tiegħi mat-tim ta’ taħt l-14-il sena u jiena l-iżgħar plejer fosthom. Għalkemm meta bdejt magħhom ħassejtha sfida, iżjed kemm kelli taħriġ mat-tim, iktar ħassejtni li tgħallimt ħafna u tjibt fil-logħba. Għandna tim tajjeb u nieħdu gost flimkien, kemm meta nirbħu u anke jekk nitilfu għax dejjem nagħtu s-sapport lil xulxin. Il-komunikazzjoni ta’ bejnietna tajba ħafna u fil-court nifhmu lil xulxin anke mingħajr ma nitkellmu. Il-kowċis tagħna jgħallmuna sistemi differenti biex inkunu nistgħu nużawhom waqt il-logħob u dejjem jiggwidawna u jħeġġuna bis-sħiħ biex niżviluppaw it-talent tagħna. Inħossni komda mat-tim u kuljum nitgħallem ħafna. Din is-sena rbaħna l-kampjonat tagħna u nista’ ngħid li kelli staġun mil-aqwa ma’ dan it-tim … grazzi għall-kowċFarrugia tat-tmexxija tagħha għar-rebħa finali!

X’tikkumenta fuq il-kowċ, Nathalie Farrugia?

Il-kowċ Nathalie Farrugia temmen ħafna fina. Dejjem tgħidilna biex nemmnu fina nfusna u ma nibżgħux nagħmlu żbalji. Hi dejjem tiggwidana u tgħinna nitjiebu f’dak li aħna dgħajfin. Hi stretta meta hemm bżonn u dejjem nieħdu gost waqt it-taħriġ. Naf li nista’ nsaqsiha jekk ikolli xi diffikultà u dejjem tagħtini pariri tajbin. Tgħallimt ħafna mingħandha u nirringrazzjaha ta’ kemm temmen fil-ħiliet tiegħi!

X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess wara r-rebħ tal-kampjonat ta’ taħt l-14-il sena fil-ġimgħat li għaddew?

Sigriet huwa sigriet! Apparti ċ-ċajt l-ghaqda m’hawnx isbah minnha. Kull logħba li kellna dan il-kampjonat ħadniha bis-serjetà. Dejjem konna naħdmu bħala tim u nagħtu dak kollu li nistghu, speċjalment fil-finali kontra l-Luxol. Konna nafu li kellna nżommu b’saħħitna sal-aħħar u nqawwu qalbna. Tajna ħafna kuraġġ lil xulxin u kull wieħed u waħda minna kellu parti importanti f’dan is-suċċess. Ħdimna ħafna waqt it-taħriġ u dik ir-rebħa kien ħaqqna ħafna!

X’tikkummenta fuq il-livell tal-basketball f’pajjiżna fil-preżent?

Naħseb li f’Malta qed isir dak kollu possibli biex jitjieb il-livell fil-basketball specjalment tal-eta’ tieghi. Hemm ħafna nies li għandhom passjoni kbira u qed jagħmlu ħilithom biex it-tfal u ż-żgħażagħ ikollhom ċans juru x’jafu mhux hawn Malta biss, imma anke barra minn xtutna. Kampijiet ta’ taħriġ b’kowċis kwalifikati u logħob ta’ 3X3 isiru ta’ spiss għalina t-tfal u ż-żgħażagħ, u b’hekk ngħid li qed ikollna ċ-ċans li niżviluppaw kif xieraq fl-isport. Forsi għadna ftit lura mill-pajjiżi l-kbar imma ninsab ċerta li bilmod il-mod nistgħu naslu. L-iktar ħaġa importanti hija li nibqgħu nirsistu biex naslu fil-livell li nixtiequ.

U dak tar-riżorsi fejn il-plejers tagħna jitħarrġu u jkollhom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħhom?

Il-courts mhux dejjem ikunu tajbin u nistgħu ntejbu ħafna minnhom. Xi kultant ikun hemm bżonn li nnaddfuhom jew li jsiru aktar moderni. Jekk ikun hemm aktar courts ġodda jkun iktar faċli biex kulħadd ikollu post fejn jittrenja speċjalment ġewwa għax fis-sajf tkun wisq sħana. Peressli n-numru ta’ plejers kif ukoll timijiet qed jiżdied, hemm bżonn li jiżdiedu n-numru ta’ courts hawn Malta, speċjalment in-naħa ta’ isfel ta’ Malta.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-basketball?

Bħalissa qed naħdem biex naċċerta ruħi li b’ġismi u s-saħħa tiegħi nkun nista’ inaħħaq ma’ plejers ta’ etajiet ikbar, għax fl-istaġun li ġej se nkun qed nitla’ kategorija ikbar, dik ta’ taħt is-16-il sena, apparti li nibqa’ wkoll mat-tim ta’ taħt l-14-il sena. Se naħdem u niffoka iżjed minn qatt qabel għax issa l-logħba titqal. Mhux biss mal-Hibernians u f’Malta imma forsi xi darba nipprova nilgħab anke barra minn Malta. Naf li mhux faċli imma jekk nibqa’ nittrenja u nitgħallem mill-kowcis tiegħi, naħseb li nista’ nasal. Inħossni fortunata li għandi ħuti ikbar minni involuti fl-isport ukoll. Ħuti, Sabrina u Yasmine, jaspirawni u jimmotivawni bis-sħiħ biex nissaħħaħ mhux biss fiżikament imma anke mentalment. Wara kollox minni tiġi li nagħmel ħilti kollha biex nilħaq u nasal fejn nixtieq, mhux biss fl-isport imma anke fl-iskola. Kif jgħiduli l-ġenituri tiegħi, kollox irid ikun. Nirringrazzja lil kull min jagħtini s-sapport, għax bis-saħħa tagħhom wasalt s’hawn f’din l-etá tant żgħira!

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-basketball u jkollu karriera ta’ suċċess f’dan l-isport.

Jekk tixtieq tibda tilgħab il-basketball, l-ewwel ħaġa li għandek tagħmel hi li tinvesti f’ballun u tibda tipprattika dan l-isport tant sabiħ fil-ħin liberu tiegħek. Ngħid għalija jien ukoll hekk bdejt u għadni nagħmilha sal-lum il-ġurnata.  L-iktar ħaġa importanti hija li tieħu gost tagħmel dan l-isport. M’għandekx għalfejn tibża’ tagħmel xi żbalji għax hekk titgħallem. Ħossok kunfidenti f’dak li tagħmel. Ovvjament mhux kollox faċli, imma jekk taħdem u tittrenja bis-serjetà, tista’ tirnexxi. Jekk l-isport ikun għal qalbek, bis-sapport ta’ dawk ta’ madwarek u bid-dixxiplina miegħek innifsek, tispikka u tirnexxi, jekk Alla jrid!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport