Wednesday, December 11, 2024

L-GĦAQDA MUŻIKALI IMMAKULTA KUNĊIZZJONI TAL-ĦAMRUN

Pjan tal-ewwel xorta tiegħu għall-baned Maltin…

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Każin vibranti u innovattiv b’ħidma ta’ inklussività li tiġbor tfal, żgħażagħ, persuni b’diżabilità, barranin u l-komunità Ħamruniża flimkien

Fi żmien il-pandemija tal-Covid-19, meta kollox kien wieqaf, kulħadd maqful f’daru u mimlijin inċertezzi dwar il-futur b’biża’ li mhux se nirritornaw għan-normalità, grupp ta’ persuni fil-Ħamrun xammru l-kmiem u permezz ta’ laqgħat online, qasmu ideat u ppjanaw futur. Dan il-futur kien għall-parruċċani tal-Knisja Immakulata Kunċizzjoni tal-Ħamrun, komunità li tiġbor fiha madwar 1,600 bieb, fejn b’għan soċjali l-Kumitat ta’ din is-Soċjetà Mużikali fassal il-pjan operattiv 2022-2024 b’miri u strateġija li laħqu l-quċċata tagħhom fil-45 sena anniversarju ċċelebrat proprju x-xahar li għadda.

Dan il-pjan, li huwa tal-ewwel tax-xorta tiegħu għall-baned Maltin, inkluda diversi attivitajiet ta’ suċċess li laħqu tfal fl-iskejjel, żgħażagħ, barranin li jgħixu fil-Ħamrun, persuni b’diżabbiltà, persuni fi programmi ta’ rijabilitazzjoni, oħrajn żvantaġġati, kif ukoll lill-komunità li taqa’ taħt din is-Soċjetà. B’ħidma li evolviet minn dik tradizzjonali u ta’ żmien il-festa biss, l-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni saret mutur soċjali kontinwu li qiegħed jagħmel ġid kbir u differenza pożittiva lil kull min tmiss.

Din il-ħidma, li jitkellem dwarha aktar fid-dettal f’intervista ma’ IT-TORĊA s-Segretarju Ġenerali ta’ din is-Soċjetà, Josef Spiteri, qiegħda ssarraf ukoll f’investiment għat-tiġdid, tisħiħ u l-espożizzjoni tal-wirt kulturali tagħna l-Maltin fejn jidħlu l-festi tradizzjonali u magħhom, il-każini u l-mużika tal-banda.

Spiteri, li prattikament iddedika ħajtu għall-każin tal-banda tal-lokal li trabba’ u għadu jgħix fih, jgħidilna li f’dawn it-tliet snin ħadmu qatigħ għax bħala każin riedu jkunu inklussivi. Dan bil-għan li, kemm jista’ jkun, jiftħu l-bibien tagħhom għal kull tip ta’ persuni b’aċċenn qawwi għal aljevi ġodda biex jitgħallmu l-mużika f’din is-Soċjetà. Hekk kif spjega, “ħalli jkollna aktar talenti fil-qasam mużikali. Importanti li t-tfal u ż-żgħażagħ tagħna jitgħallmu jdoqqu l-istrumenti u jkunu involuti fil-każini tal-lokal hekk kif fattwalment, il-ġenerazzjonijiet il-ġodda huma l-futur. It-tfal u ż-żgħażagħ huma l-futur tas-soċjetajiet mużikali u tal-festi. Għaldaqstant, huma l-futur tat-tradizzjonijiet tagħna bħala poplu”.

“Il-każin nafu kważi jitwieled u huwa ħajti”

It-trawwim tal-mużika u t-tagħlim ta’ strument mużikali tal-banda kien eċċezzjoni fil-familja ta’ Josef Spiteri hekk kif, “il-verità hija li kulħadd jiskanta bijja. Dan għax fil-familja m’għandna lil ħadd li kien involut f’dawn l-affarijiet. Kelli bejn sitt u seba’ snin meta bdejt nitgħallem il-mużika mal-każin tal-banda tal-Kunċizzjoni stess. Kont indoqq il-klarinett u sirt bandist tal-post. Imbagħad maż-żmien bdejt nitħajjar nidħol fl-amministrazzjoni fejn sirt iċ-ċhairman tal-Kummissjoni Partitarji (taż-żgħażagħ) u minn hemm dħalt fil-Kumitat prinċipali fejn sena wara sena bqajt ninvolvi ruħi”.

Illum il-ġurnata Spiteri, li bi professjoni huwa infermier u għandu 46 sena, huwa s-Segretarju Ġenerali ta’ din is-Soċjetà. B’kollox ilu 37 sena fil-każin fejn spjega li, “il-każin nafu kważi jitwieled u huwa ħajti. Tgħallimt ħafna u tiltaqa’ man-nies. Hawn ħafna nies li għandhom dik il-perċezzjoni li l-każin huwa xi ħaġa ħażina. Kważi hemm stigma imma, fil-verità, għandna ħafna nies li llum il-ġurnata huma mużiċisti magħrufa, artisti anke ta’ fama internazzjonali, li għamlu karriera u bdew proprju mill-każini tal-banda. Jiġifieri, għalkemm il-każini tal-banda għandhom dik l-istigma għax tax-xarraba, tal-karti u tal-inkwiet, fil-verità mhuwiex hekk għax qegħdin ikunu l-għodda u l-imbottatura għat-talenti lokali. Qegħdin joħorġu t-talenti tal-persuni li forsi x’imkien ieħor ma jkollhomx l-opportunità li joħorġuhom. Dawn qegħdin ukoll jifirxu l-kultura Maltija u jġeddu t-tradizzjoni tagħna”.

“Nixtiequ li jkollna aktar aljevi” Tagħlim ta’ mużika bla ħlas għal kulħadd

It-tagħlim tal-mużika ma’ din is-Soċjetà, flimkien mal-istrument, huwa bla ħlas. Dan isir minn tliet surmastrijiet. Spiteri elabora li, “għadna kemm investejna fi strumenti ġodda. Għamilna investiment kbir biex ovvjament ikollna x’nagħtu lill-aljevi. Nixtiequ li jkollna aktar aljevi għax ikollok kemm ikollok, qatt m’għandek biżżejjed. Bħalissa kull m’għandna huma tnejn imma nixtiequ li jkollna ħafna aktar. Din hija wkoll opportunità u m’għandna xejn inqas minn ħadddieħor. Issib nies li jgħidu għax b’xejn, ta’ b’xejn ikollok. Fil-verità dawn ma jafux li ta’ b’xejn għalihom in-nies, qegħdin inħallsu għalih aħna. Is-surmast xorta qegħdin inħallsuh. Flok tajt il-kont lill-ġenituri, qiegħed inħallsu jien għalik. L-istess tagħlim u l-istess kwalità. Jiġifieri, m’għandna xejn inqas minn skejjel oħra tal-mużika”.

Huwa qal li permezz tal-każini, il-kultura Maltija għadha tiġġedded però, “illum il-ġurnata hawn tant affarijiet li sfortunatament u forsi mhux kullimkien ukoll għax hemm irħula li huma b’saħħithom fit-tradizzjoni tal-festa li jibqgħu, iż-żgħażagħ qegħdin jonqsu milli jinvolvu ruħhom fil-każini tal-banda. Din hija ħasra għax kif għidna, it-tfal u ż-żgħażagħ huma l-futur tal-ħajja. Il-futur ta’ dawn it-tradizzjonijiet”.

Tiġdid ta’ kultura bi strateġija ta’ innovattiv u inklussività

L-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni tal-Ħamrun din is-sena għalqet il-45 anniversarju tagħha. Kien proprju fid-29 ta’ Awwissu tal-1979 li Toni Borg, flimkien ma’ sħabu, kienu ftiehmu li joħolqu din it-tielet banda fil-Ħamrun. “Hemm San Gejtanu u San Ġużepp u aħna parroċċa għalina u kienu xtaqu li ssir il-banda. Il-banda ġiet 10 snin wara l-ħolqien tal-parroċċa. Din kienet awtonoma mill-parroċċa arċi matriċi ta’ San Gejtanu u nħasset ħtieġa li jkun hemm il-banda tal-lokal,” kompla s-Segretarju Ġenerali ta’ din l-Għaqda.

Spiteri jemmen li l-banda fil-lokal huwa element li għadu b’saħħtu fil-kultura tagħna. Dan minkejja li bħala Soċjetà Mużikali, l-Immakulta Kunċizzjoni għandha komunità żgħira. L-akbar sfida hija dik li, “il-Ħamrun huwa komunità anzjana u min jitlaq ma jerġax jiġi. Minflokhom qegħdin naraw ħafna aktar barranin. Fil-fatt għandna ħafna komunitajiet barranin fosthom Indjani, Pakistani u Filippini. Issa qegħdin nippruvaw ukoll indaħħlu lilhom fil-kultura u fir-rutina tagħna.”

“Xtaqna li mmorru aktar għas-soċjal”

Fir-rigward huwa qal li, “f’45 sena ma tistax tagħmel ċertu affarijiet. Biss f’dawn is-snin għamilna ħafna u ħafna affarijiet speċjalment dawn l-aħħar tliet snin. F’dan il-perjodu ħdimna b’mod partikolari fuq is-soċjal. Aħna ma ridniex li bħala banda nibqgħu normali li kulħadd jaf li tmur tilgħab il-karti u tieħu flixkun birra. Ma fiha xejn ħażin biss, xtaqna li mmorru aktar għas-soċjal fil-komunità tagħna”.
Fil-fatt, fil-ħidma mfassla fil-pjan ta’ innovazzjoni u inklussività mwettaq minn din is-soċjetà Spiteri semma’ wirjiet ta’ arti għal persuni b’diżabilità u oħra riċenti, id-“Diverse Fest”. Hawn kellhom 22 stands ta’ kulturi differenti barranin fil-Ħamrun. Dawn kienu 22 post differenti bl-ikel, żfin bil-kostumi u kant tradizzjonali tagħhom. Fosthom kien hemm ukoll il-Malti bit-tradizzjoni tal-banda Maltija flimkien mal-ikel Malti. Attività li ntlaqgħet tajjeb ħafna tant li hemm il-ħsieb li tibda tittella’ ta’ kull sena.

Iżda, il-ħidma f’dan il-pjan hija ferm aktar wiesgħa. Din l-Għaqda Mużikali f’dawn it-tliet snin għamlet diversi attivitajiet. Fejn jidħlu persuni b’diżabilità u anzjani ħadmet biex ikollhom sehem attiv fis-servizzi tal-banda. B’hekk ġie installat stair lift u nbidlu l-faċilitajiet sanitarji ħalli l-każin ikun aċċessibli. Grazzi għal fondi mill-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, din is-Soċjetà żanżnet ukoll planċier ġdid li huwa l-uniku wieħed aċċessibli għall-persuni b’diżabilità permezz ta’ rampa.

Bħala ċentru akkoljenti u inklussiv issieħeb ma’ diversi entitajiet u NGOs, bħal Fondazzjoni Sebħ, Villa Bianca u FC Hamrun. Dan joffri l-bini tiegħu għal attivitajiet pubbliċi, inklużi esebizzjonijiet, sessjonijiet ta’ informazzjoni u avvenimenti li juru t-talenti u l-kompetenzi tal-komunità lokali. L-impenn ta’ dan i-kazin lejn l-inklussività huwa wkoll evidenti fl-avvenimenti annwali tiegħu, bħal “Movember” u “Mental Health Awareness”, li jikkontribwixxu biex titqajjem kuxjenza dwar kawżi importanti.

Prijorità lill-persuni żvantaġġati

L-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni minn dejjem ħasbet u tat prijorità lill-persuna żvantaġġati. Fl-impenn soċjali tagħha din il-“Banda Innovattiva – Banda Inklussiva” saru laqgħat mal-organizzazjoni Sedqa biex taqsam għarfien fuq l-effetti tal-abbużi minn alkolhol u droga b’persuni li huma fi programm ta’ riabilitazzjoni kienu mistiedna wkoll. Spiteri semma’ kuntatt mal-Fondazzjoni RISE biex dawk fuq parole ikunu jistgħu jitgħallmu l-mużika u juru talenti tagħhom u l-Jobsplus organizzat b’xejn fils-sede tal-Każin tagħna taħrig fuq Health and Safety għall-membri u persuni oħra.

Huwa qalilna li barra minnhekk, is-Soċjetà Mużikali tal-Immakulata Kunċizzjoni qiegħda tilqa’ persuni neqsin mid-dawl biex jibdew jitgħallmu l-mużika b’xejn. Riedu wkolll jagħtu opportunità lill-persuni barranin li jgħixu fil-Ħamrun u oħrajn u għalihom ukoll varaw servizz ta’ mużika b’xejn u anke organizzaw Ethnic Night ħalli jużaw il-mużika bħala mezz ta’ integrazzjoni.

“Jibqa’ l-fatt li ż-żgħażagħ huma ta’ prijorità għalina,” kompla s-Segretarju Ġenerali. Tant huwa hekk li organizzaw attivitajiet biex inħeġġuhom jingħaqdu magħna u b’hekk jevitaw kumpanija u vizzji ħżiena. Hawnhekk, grazzi għall-għajnuna mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat inawguraw is-Sala Prinċipali fil-każin biex joffru ambjent aħjar liż-żgħażagħ u lill-membri tagħhom li kif għarrafna, “bħalissa għandna madwar 100 persuna”.

Spiteri enfasizza li mill-banda l-oħra qegħdin jippruvaw jagħmlu programm ta’ integrazzjoni. Dan billi marru fl-iskejjel kolha tal-Ħamrun u anke nedew u qasmu ktejjeb żgħir lit-tfal, liema ktejjeb huwa aċċessibbli online u jista’ jintuża wkoll mill-edukaturi għal-lezzjonijiet kulturali. “Dan biex inħajru aktar tfal. Fih informazzjoni dwar il-banda, l-istrumenti, il-mużika u dwar il-parroċċa, kif ukoll fih anke ħafna logħob għat-tfal. B’hekk l-istudenti jitgħallmu b’mod attiv u pjaċevoli. Għamilnieh għall-ewwel darba ħalli nintroduċu ruħna fil-qasam edukatttiv tat-tfal, fl-istess ħin it-tfal ikunu jafu bina u għaliex le, nippruvaw nagħtu xi ħaġa lura lit-tfal. Qassamna wkoll strument żgħir lil kull skola. Dan għax aħna nixtiequ li l-mużika tkun parti integrali, kif inhi diġà, imma nkomplu nsaħħu biex il-mużika tkun parti integrali fl-iskejjel tagħna. Ġieli għamilna anke xi kunċerti fl-iskejjel u xi tip ta’ lezzjonijiet. Dan kollu bil-mira li nkomplu nħajru lit-tfal,” kompla dan is-Segretarju Ġenerali.

“In-nies għandha fejn tmur u l-interess infirex”

Min-naħa tiegħu Spiteri jħoss li t-tradizzjonijiet bħalma huma l-festi u magħhom id-daqq mill-baned, fil-verità ilhom sejrin lura. Dan għax, “fejn qabel il-festa tar-raħal kienet l-unika avveniment tas-sena, illum kull tmiem il-ġimgħa hemm xi attività fosthom parties, festivals, drama u kunċerti. In-nies għandha fejn tmur u l-interess infirex lil hinn minn dik il-ġimgħa partikolari tal-festa”.

Barra minnhekk huwa stqarr li fl-opinjoni tiegħu, bħala festi “forsi ħallejnihom joħorġu ftit minn taħt idejna. Dan għax daħlu affarijiet li kważi kważi m’għandhomx x’jaqsmu xejn mal-festa fosthom diskoteki. Huwa minnu li huma dawn l-affarijiet li jattiraw liż-żgħażagħ imma din hija sikkina li taqta’ miż-żewġ naħat. Eżempju fil-paroċċa tagħna ma nagħmlu xejn li jtellef l-attivitajiet taż-żewġ partijiet. Il-każin ma jtellifx lill-knisja u viċi versa. Jekk għall-mod tal-kelma hemm funzjoni, l-attività mil-każin issir imma ma ssirx fil-ħin tal-quddiesa. Il-programm huwa mħejji b’tali mod li xejn ma jidħol fuq xejn”.

Sfida oħra hija dik finanzjarja għax, hekk kif sostna dan is-Segretarju Ġenerali, “il-flus huma dejjem problema. Imma, dan l-aħħar, qegħdin insibu ħafna għajnuna mill-benefatturi. Dan naħseb qiegħed jiġri għax in-nies tal-lokal qegħin jaraw l-affarijiet li nagħmlu. Meta tagħmel, in-nies qiegħda tara u allura tagħti aktar kontribut. Min-naħa l-oħra aħna nippruvaw napplikaw għall-kull fond mill-Istat li jeżisti għax mingħajrhom ma nagħmlu xejn. L-introjtu huwa limitat”.

Xogħol li jsarraf f’benefiċċji dejjiema għal komunità usa’

L-impatt tal-Każin tas-Soċjetà Mużikali Immakulata Kunċizzjoni jestendi lil hinn mill-proġetti attwali tiegħu. Tajjeb li nsemmu li dan il-każin huwa mixtri u fost proġetti futuri hemm dak li jestendu l-każin billi jtellgħu t-tieni sular. Fir-rigward Spiteri spjega li, “ovvjament, aktar ma tkabbar aktar għandek fejn tilqa’ lin-nies u fejn torganizza”.

Dan ix-xogħol kollu jsir bil-għan ġenwin li jsarraf f’benefiċċji dejjiema għal komunità usa’ li tinkludi mużiċisti, studenti u gruppi varji. Permezz tal-faċilitajiet u l-programmi diversi tiegħu, dan il-każin qiegħed jipprovdi spazju sigur għaż-żgħażagħ, gruppi vulnerabbli u ċittadini tal-Ħamrun biex jesprimu lilhom infushom permezz tal-mużika u jidħlu f’komunità ta’ appoġġ. Dan kollu jagħti lil din is-Soċjetà rwol kruċjali fit-trawwim ta’ sens ta’ appartenenza u aċċettazzjoni għall-membri kollha tal-komunità f’ħidma favur soċjetà b’saħħitha b’valuri tradizzjonali dejjiema.

“Il-festi m’għadhomx biss wirt tagħna l-Matin imma tad-dinja kollha”

Lejn tmiem l-intervista Spiteri semma’ kif fl-aħħar festa nedew il-kanzunetta bl-isem “Banda ta’ Kulħadd” li fil-verità tixhed kemm huma banda ta’ kulħadd bl-inizjattivi li qegħdin jagħmlu fil-qasam inklussiv. Hawn huwa wiegħed li bħala każin se jibqgħu jinsistu u jiftħu l-bibien tagħhom għal kulħadd. Dan għax, “għalina dan huwa settur importanti u dejjem sibna sostenn mill-Ministeru tal-Inklussività. F’dan il-qasam inħoss li l-Gvern verament iħeġġiġna… Dan awtomatikament jgħin fit-tiġdid tal-wirt kulturali tagħna”.

Min-naħa tiegħu Josef Spiteri appella biex il-ġenituri jibagħtu lit-tfal tagħhom jitgħallmu mal-każin tal-banda ħalli niskopru talenti ġodda. Mentri, b’mod aktar wiesgħa, il-messaġġ tiegħu għall-poplu Malti u Għawdxi huwa dak li, “wieħed għandu jgħożż it-tradizzjonijiet u l-kultura Maltija bħalma hija l-festa tar-raħal. Il-festa Maltija ġiet rikonoxxuta bħala wirt intanġibbli mill-UNESCO u dan ifisser li l-festi m’għadhomx biss wirt tagħna l-Matin imma tad-dinja kollha. Għalija, dan huwa prova ta’ kemm għandna x’nagħtu bħala poplu u dan anke mil-lat turistiku”.

Ekonomija

Sport