“L-għaqda nazzjonali tibqa’ l-pedament ta’ kollox.” Hekk qal il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Dr Robert Abela waqt intervista li saret quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Il-Prim Ministru kien intervistat mill-ġurnalista Janice Bartolo. Matul il-ġurnata l-Partit Laburista organizza maratona ġbir ta’ fondi kif ukoll il-villaġġ tal-Milied quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
Il-Prim Ministru Abela tkellem dwar dak li ċċelebbra l-pajjiż, il-50 sena Anniversarju mir-Repubblika. Fakkar il-ħidma li kienet saret mill-Perit Mintoff u l-viżjoni li kellu u anke r-riformi li saru matul is-snin biex illum il-poplu qiegħed ifakkar il-50 sena anniversarju.
Il-Mexxej Laburista rrefera għar-riformi kbar li saru mill-2020 ‘l hawn fosthom li l-Prim Ministru neħħa minn idejh il-ħatra tal-President ta’ Malta, il-ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija u anke r-riformi li saru biex jiġu maħturin il-Maġistrati u l-Imħallfin.
Dr Abela reġa’ sostna li dan kollu seta’ jsir minħabba li l-poplu kien magħqud. Fakkar ukoll minn dak li għadda minnu l-pajjiż b’mod partikolari l-pandemija u anke l-sifidi li ġabu magħhom iż-żewġ gwerer. “Dawn l-isfidi setgħu jiġu megħlubin għax il-poplu kien magħqud,” tenna l-Prim Ministru u Mexxej Laburista.
Waqt l-istess intervista l-Prim Ministru Abela qal li matul din il-ġimgħa nagħtaw f’24 miljun f’benefiċċji differenti. Stqarr li l-akbar żieda kienet dik fiċ-children allounce fejn 63,000 tifel u tifla gawdew minn din il-miżura. Fakkar li ż-żieda fiċ-children allounce tmur oltre mill-wegħda elettorali li kienet imwegħda żieda.
Dr Abela fakkar li l-baġit li ġie ppreżentat ftit tal-ġimgħat ilu kien fih l-akbar tnaqqis fit-taxxi fl-istorja tal-pajjiż u din il-miżua se tkun qiegħda titgawda mill-ħaddiema kollha li jaħdmu f’pajjiżna.
Stqarr li dan kollu kien posibbli grazzi għall-ħidma li wettaq Gvern Laburista li minflok żied it-taxxi u daħħal miżuri ta’ awsterità, kompla jinċentiva lin-negozji u jgħid lil poplu. Hu qabbel lill-pajjiżna ma’ pajjiżi barranin fosthom dawk tal-Unjoni Ewropea u fiż-Żona Ewro. B’mod partikolari rrefera għal Franza u anke għar-Renju Unit fejn hemm is-sitwazzjoni hija ferm differenti minn dik ta’ pajjiżna. Qal li l-Gvern Malti seta’ jdaħħal dawn il-miżuri kollha favur iċ-ċittadini għax l-ekonomija qiegħda trendi.
Dr Abela stqarr li fuq quddiem nett biex dan kollu seta’ jsir kienet il-politika stabbli fil-qasam tal-enerġija li “kienet il-miżura ewlenija biex dan il-pajjiż jibqa’ miexi ‘l quddiem u dan b’differenza minn pajjiżi oħrajn. Ewropej.”
Il-Prim Ministru ġie mistoqsi dwar il-ftuħ ta’ proġetti ġodda li hu stess inawgura matul il-ġimgħa. Kien hawn li Dr Abela qal li sa ftit snin ilu ħadd ma kien joħlom li xi ħadd Maltin mingħajr l-għajnuna tal-barranin kien se jkun kapaċi li jagħmel proġett bħal Mercury Towers. Stqarr li dan kien posibbli għax il-Gvern ħadem mal-privat u emmen fil-proġett. Il-Mexxej Laburista qal li meta kien tħabbar dan il-proġett il-Partit Nazzjonalista kien qal li dan se jkun “proġett ta’ korruzzjoni.” “Il-privat dejjem sab lill-Gvern Laburista jimxi warajh u se jibqa’ jsibu hemm biex b’hekk jibqa’ miexi ‘l quddiem,” kompla jgħid Dr Abela.
Irrefera wkoll għat-turiżmu fejn stqarr li l-volum ta’ turisti li jżuru pajjiżna jrid jinżamm, iżda issa rridu naħdmu biex tiżdied il-kwalità. “Din il-kwalità tista’ titla biss jekk ikollna proġett kbar fil-pajjiż bħal ma ftaħna din il-ġimgħa,” qal il-Prim Ministru filwaqt li ħabbar li fil-jiem li ġejjin se tkun qiegħda titħabbar policy ġdida li fiha se jkun hemm pjan ċar dwar it-turiżmu.
Quddiem iċ-Ċentru Nazzjonalista Laburista fl-intervista l-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-laqgħa għola li saret f’Malta ta’ OSCE fejn stqarr li l-messaġġ ewlieni kien il-paċi.
Hu rrefera għal proċess li sar biex Malta tkun it-tmexxija tal-OSCE fejn stqarr li dan ma kienx pass faċli, iżda kien hemm ir-rieda li din tista’ ssir. Il-kelliem qal li Malta dejjem ħadmet għal paċi anke meta kellha l-Presidenza tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fejn dakinhar kien hemm riżoluzzjoni għal waqfien mill-ġdid fil-Lvant Nofsni.
“Irridu nibqgħu nwasslu l-messaġġ dwar il-paċi għax wara kollox il-popli kollha fid-dinja jridu jgħixu f’serenità u l-paċi biex ikunu jistgħu jimxu ‘l quddiem,” kompla jgħid il-Prim Ministru Abela.
Il-mexxej Laburista ġie mistoqsi wkoll dwar l-ħidma li saret matul din is-sena fejn stqarr li l-isfidi ma kienux żgħar. Qal li l-akbar sifda kienet dik tal-inflazzjoni li bdiet fl-2020 meta faqqet il-pandemija. Kien hawn li l-kelliem spjega fid-dettall dwar dak li seħħ u x’wassal biex ikun hemm żieda fil-prezzijiet. Hu rrefera wkoll għal gwerra li għaddejja bejn ir-Russja u l-Ukranja u li din ġabet sfidi kbar madwar id-dinja kollha. Qal li l-gwerra fil-Lvant Nofsani kompliet tagħmel is-sitwazzjoni ferm agħar milli kienet.
Kien hawn li Dr Abela qabbel kif ħadem Gvern Laburista quddiem dawn l-isfidi u dak li kien wettaq Gvern Nazzjonalista meta kien hemm il-kriżi tal-2008 li kienet ferm iżgħar minn dik tal-2020. “Filwaqt li Gvern Laburista quddiem sfidi kbar baqa’ jinċentiva lin-nies, Gvern Nazzjonalista fl-2008 żieda bil-ħafna t-taxxi u anke daħħal diversi miżuri ta’ awsterità.
Fl-aħħar, il-Prim Ministru reġa’ rrefera għal policys Viżjoni għal Malta 2050 fejn qal li rridu naraw fost l-oħrajn fejn se jmur pajjiżna fil-qasam tal-enerġija. “Issa qed naħdmu biex dik il-viżjoni tgħaqqad is-setturi kollha flimkien fosthom l-edukazzjoni, it-trasport, l-infrastruttura fost oħrajn,” temm jgħid il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Dr Robert Abela.