L-Għaqda Pensjonanti tal-GWU, il-Ġimgħa filgħodu, organizzat ir-riċeviment annwali tal-Milied għall-membri tagħha. Għal din l-attività soċjali, li saret fil-Workers’ Memorial Building, attendew għadd kbir ta’ pensjonanti. Dawk li attendew setgħu jgawdu minn programm sħiħ ta’ divertiment, li kien jinkludi wkoll mużika u kant.
Bħal kull sena, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja kien ukoll preżenti għal din l-attività fejn awgura l-festi t-tajba lill-membri tal-Għaqda Pensjonanti tal-GWU. F’kelmtejn tal-okkażjoni, huwa semma kif matul is-sena, l-Għaqda tressaq diversi proposti lill-Gvern, li ħafna minnhom jiġu wkoll implimentati.
Is-Sur Bugeja tenna li din is-sena kienet waħda partikolari għall-GWU. Qal li kien hemm attentat biex l-unjin titlef il-jedd li tkompli tagħmel ix-xogħol trejdunjonistiku tagħha mill-WMB, madankollu, il-Qorti ddeċidiet kontra t-talbiet tal-Partit Nazzjonalista.
“Kienet ħidma kollettiva tal-uffiċjali kollha, fosthom tal-pensjonanti, li kkontribwixxew biex il-GWU tagħmel din ir-rebħa u biex inkunu nistgħu nibqgħu nagħtu servizz lill-pensjonanti, lill-membri u lill-ħaddiema kollha,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU.