“It-triq ’il quddiem hi msejsa fuq l-għaqda u l-innovazzjoni. Irridu nkomplu nibnu ekosistema li tippremja l-valuri ta’ kwalità fis-sostenibbiltà u li trawwem it-talent.”
Iddikjara dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg meta lbieraħ kien qed jindirizza l-konferenza annwali tal-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE) bit-tema “It-Triq ’il Quddiem”. Id-Deputat Prim Ministru beda biex spjega kif l-industrija tal-catering hija element ċentrali fis-suċċess tat-turiżmu ta’ pajjiżna.
Huwa qal li l-istabbilimenti tal-catering jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-industrija fl-istess waqt li jippromwovu u jsaħħu l-wirt kulinarju uniku ta’ Malta. Min-naħa l-oħra, id-Deputat Prim Ministru qal li rridu nirrikonoxxu l-isfidi li qiegħda taffaċċja din l-industrija, inklużi pressjonijiet fuq il-forza tax-xogħol. Qal li l-inizjattiva tal-iskills pass tibqa’ waħda kruċjali biex tiġi żgurata professjonalità fis-servizz madwar l-industrija kollha.
“Se nibqgħu naħdmu mal-ACE u ma’ stakeholders oħra sabiex l-iSkills Pass tkompli tevolvi skont ir-realtajiet tal-industrija,” qal Dr Borg. Huwa kompla jgħid li wieħed irid joqgħod attent għal ċertu proposti li jitressqu fosthom dik tal-4 day week, u saħaq li dawn iridu jiġu evalwati b’kawtela. “Lesti ndaħħlu aktar pressjoni fuq il-forza tax-xogħol li diġà tinsab taħt pressjoni?”, staqsa d-Deputat Prim Ministru.
Huwa qal ukoll li l-innovazzjoni, is-sostenibbiltà u d-diġitalizzazzjoni huma ingredjenti essenzjali f’dik li sejħilha bħala r-riċetta għat-titjib tar-reżiljenza u l-kompetittività. Qal li ċertu sfidi, inkluż l-immaniġġjar tal-iskart, m’għandhomx jaqtgħulna qalbna għaliex is-soluzzjonijiet isiru aktar faċli meta naħdmu flimkien.
“Dan hu proprju dak li qed nagħmlu permezz ta’ diversi inizjattivi, fosthom bi proġetti pilota fil-Belt Valletta u s-Swieqi. Dawn il-proġetti pilota qed ifittxu li jiffaċilitaw metodi aktar effettivi ta’ ġbir tal-iskart għall-negozji u r-residenti,” qal id-Deputat Prim Ministru.“Dimostrazzjoni ċara oħra ta’ din it-triq ’il quddiem hija l-kollaborazzjoni li qed issir għar-rijabilitazzjoni tal-Blue Lagoon u l-konsultazzjoni pubblika li tnediet b’rabta mar-riforma tal-akkomodazzjoni turistika.”
Id-Deputat Prim Ministru semma wkoll kif l-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS) għandha wkoll rwol kruċjali biex tipprepara l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ professjonisti, permezz tad-diversi korsijiet li qed jiġu offruti lokalment u anke s-sħubijiet ġodda ma’ entitajiet internazzjonali.
Min-naħa l-oħra, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qiegħda taħdem biex iżżid l-istabbiltà u l-interess fil-kċina Maltija billi tenfasizza l-identità gastronomika tagħna. “Qed naħdmu biex inġibu Food on the Edge f’Malta, simpożju li se jiġbor kokijiet ewlenin fix-xena internazzjonali u persuni oħra distinti lejn xtutna.”
“L-għan tagħna hu li nagħmlu lil Malta mhux biss destinazzjoni li wieħed iżur, iżda wkoll destinazzjoni li tiċċelebra l-wirt tagħna, tonora lin-nies tagħna u tistabbilixxi livelli ġodda ta’ ospitalità,” temm jgħid id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg.

