Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-ewwel darba li tħarriġt kien ġewwa l-grawnd ta’ San Ġwann FC, fejn għamilt 11-il sena nipprattika sal-etá ta’ 15-il sena. Peressli ħija huwa goalkeeper ukoll, qattajt ħafna żmien narah jilgħab u għalhekk, xtaqt li nidħol bejn il-lasti jiena wkoll.
Iddeskrivi l-esperjenzi tiegħek fil-futbol qabel ingħaqadt ma’ Tarxien Rainbows FC.
Wara li tlaqt minn ma’ San Ġwann FC, iffirmajt ma’ Qormi FC fejn iddebuttajt fil-Kampjonat Premier ta’ 16-il sena. Il-fatt li kont qiegħed nikkompeti ma’ plejers ta’ kalibru għoli ta’ dik l-etá għenitni niżviluppa fil-karriera tiegħi. Bħal kull sportiv ieħor, affaċċjajt mumenti sbieħ ħafna u oħrajn inqas pjaċevoli, bħal injuries li ħallewni barra minn dak li nħobb nagħmel. Għaldaqstant, kull esperjenza nipprova neħodha bħala lezzjoni sabiex intejjeb il-logħba tiegħi.
X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess wara l-promozzjoni miċ-Challenge League għall-Malta Premier miksuba minn Tarxien Rainbows FC?
L-għaqda u l-umiltá fost it-tim kollu mingħajr dubju kienu l-bażi tas-suċċess li ksibna f’dan l-istaġun … ħaġa li ma kinitx tkun possibli kieku ma kinitx għall-għaqda li hemm bejn il-plejers u l-istaff. Nixtieq nieħu l-opportunitá wkoll biex insemmi lill-kumitat li ħadmu bilgħaqal immens biex fasslu t-tim li għandna llum.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Minn stagun għall-ieħor, il-livell dejjem qiegħed jiżdied. Għaldaqstant, għandna plejers telgħin minn nurseries ta’ kwalitá għolja ħafna u jekk il-klabbs jirnexxielhom jiżviluppawlhom it-talenti kollha, nemmen li l-futur tal-futbol Malti għandu jitjieb.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Issa li għandi 26 sena, inħares dejjem b’ottimiżmu lejn il-futur tiegħi. Kull staġun nagħmel ċerti miri li nipprova nilħaq.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Nixtieq ngħidilhom biex ikunu persistenti f’dak li qed jagħmlu u jemmnu fihom infushom totalment. Kulħadd se jsib testijiet fi triqtu għall-miri tiegħu, peró dawk li jifhmuhom u jitgħallmu minnhom biss jirnexxielhom jimxu ‘l quddiem. L-aqwa opportunitá li għandek biex tikber u tiżviluppa hi meta tmur lil hinn minn dak li ssib komdu.