Tnediet għal sena oħra l-iskema Volontary Organisations Project Schemes (VOPS). Għas-sena 2023 l-investiment f’din l-iskema se jkun ta’ €800,000, li jirrifletti żieda ta’ €100,000 fuq is-sena 2022.
It-tnedija tal-iskema saret mill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli.
Matul l-aħħar sitt snin fl-iskema VOPS, immexxija mill-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju (MCVS), ġew investiti €5.6 miljun li permezz tagħhom immaterjalizzaw f’diversi proġetti minn għaqdiet volontarji. Il-proġetti jvarjaw minn kampanja ta’ għarfien għall-pubbliku għal inizjattivi tanġibbli fil-komunità.
Il-Ministru Farrugia Portelli ddeskriviet it-tnedija mill-ġdid tal-iskema bħala prova oħra ta’ kemm il-Gvern jivvalorizza ix-xogħol li jagħmlu madwar 1,800 għaqda volontarja reġistrati mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji. Il-Ministru żiedet tgħid li bħala Gvern “nemmnu bis-sħiħ fil-volontarjat, settur li huwa pilastru fis-soċjetà tagħna u li jiddistingwina bħala poplu.” Hija qalet li l-ħidma tal-għaqdiet volontarji u l-għajnuna permezz tal-iskemi varji li jkunu mnedija, tikkontribwixxi bis-sħiħ għall-ġid tal-komunitajiet rispettivi. “Ħidma li se tkompli ssib l-appoġġ tagħna bħala Gvern biex tibqa’ tkun waħda sostenibbli,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MCVS Mauro Pace Parascandolo qal li dan il-fond, bħal fondi l-oħra provduti mill-MCVS, għandu l-għan ewlieni li jixpruna u jsostni finanzjarjament lill-għaqdiet volontarji biex ikomplu joħorġu b’inizjattivi innovattivi u sostenibbli għall-ġid tal-komunitajiet li jaħdmu fihom.
Jistgħu japplikaw għal din l-iskema l-għaqdiet volontarji kollha reġistrati mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji. L-applikazzjonijiet huma miftuħ u jagħlqu fid-19 ta’ Ottubru 2022. L-għaqdiet volontarji jistgħu japplikaw billi jżuru www.vofunding.org.mt/funds/113.