Saturday, December 21, 2024

“L-għarfien dwar il-persuni b’diżabbiltà kiber”

Dr Alistair De Gaetano, rebbieħ Premju Kisba Tul il-Ħajja waqt il-Premju Soċjetà Ġusta 2024

Aqra wkoll

Dr Alistair De Gaetano hu avukat li fil-bidu ta’ dan ix-xahar kien ir-rebbieħ tal-premju għall-Kisba tul il-Ħajja fis-Settur tad-Diżabbiltà. Dan kollu seħħ bħala rikonoxximent għas-snin ta’ ħidma tiegħu fil-qasam tal-persuni b’diżabbiltà. Fil-fatt, l-Avukat De Gaetano ddedika l-karriera professjonali tiegħu bħala avukat biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ dawk li qed jiffaċċjaw sfidi ta’ diżabilità, filwaqt li kien kruċjali fil-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tan-nies b’diżabilità u fl-iżvilupp ta’ servizzi aktar aċċessibbli u ġusti li jingħataw mill-gvern.

Dr De Gaetano kiteb numru ta’ liġijiet li jmissu mas-settur tad-diżabilità u preżentament iservi bħala ċ-Chairperson tal-Autism Advisory Council.

Dan il-ġurnal tkellem mal-avukat Alistair De Gaetano fejn din l-intervista iffukat fuq dan il-premju li għadu kemm rebaħ kif dwar aktar sfidi li jaffaċċjaw persuni b’diżabbiltà.

“L-ewwelnett ninsab ferm onorat li rċevejt dan il-premju għall-Kisba tul il-Ħajja fis-Settur tad-Diżabbiltà. Dan juri li l-pajjiż qed jirrikonoxxi l-ħidma i wettaqt flimkien ma’ sħabi. Jien ħdimt f’dan is-settur u għadni naħdem qatigħ sabiex persuni b’diżabbiltà jkollhom ħajja aħjar.”

“Minkejja kollox, ma nixtieqx personalment li dan l-unur hu l-qofol ta’ xi ħaġa li spiċċat anzi iktar inħossni umli sabiex nagħmel aħjar u nirsisti aktar. Fl-opinjoni tiegħi, għandi responsabbilta’ kbira quddiemi u nixtieq li nkompli nwettaq ħidma akbar. Nemmen li fadal xi jsir f’dan il-qasam u għalhekk qatt ma tista’ sserraħ rasek. Fuq kollox, nixtieq li proposti li ressaqt lill-awtoritajiet konċernati jitwettqu u se nagħmel minn kollox biex il-ħajja ta’ persuni b’diżabbiltà tkun aħjar.”

Dr De Gaetano ħadem f’diversi bordijiet tal-gvern u anke kumitati. Hu kien segretarju tal-Malta Space Taskforce kif ukoll fil-Fundazzjoni tal-Aċċessibbiltà Teknoloġika, il-kunsill dwar l-Awtiżmu u l-Kumitat Konsultattiv tal-Bioetika. Hu kellu wkoll esperjenza fuq temi ta’ strateġija u anke responsabbiltajiet oħra. Fl-istess waqt hu ressaq diversi abbozzi dwar l-Istrateġija Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabbilta’ u l-Istrateġija Nazzjonali dwar l-Awtiżmu.

DeGaetano hu avukat u ħa l-PhD minn Trinity College f’Dublin. Hu jemmen li bniedem irid jaħseb f’dawk il-persuni b’diżabbiltà partikolarment minħabba drittijiet u anke aċċessibbiltà f’kull sens.

Saqsejna lil Dr Degaetano dwar kemm saru avvanzi fis-settur tal-persuni b’diżabbiltà.

“Nemmen li iva saru ħafna avvanzi dwar persuni b’diżabbiltà imma rridu ngħidu wkoll li fadal xi jsir. Hemm bżonn li tinħoloq aktar kuxjenza fost is-soċjetà inġenerali sabiex jirrispettaw lil dawn in-nies. B’xorti tajba naqsu ħafna d-diskriminazzjonijiet f’dan ir-rigward anke għax ir-riformi li saru jinkoraġġixxu aktar nies jaħdmu f’diversi oqsma bid-drittijiet li jkunu salvagwardjati.”

L-Avukat Degaetano semma’ lill-Onor. Julia Farrugia li hi l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat li sa mis-sena 2020 ħadmet qatigħ sabiex affarijiet li hu ppropona jiġu mwettqa.

Din tal-aħħar nediet l-ewwel Strateġija Nazzjonali għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u l-Istrateġija Nazzjonali għall-Persuni fl-Ispettru tal-Awtiżmu. Hija mexxiet b’suċċess il-bidliet fil-Kodiċi Kriminali, liema tibdiliet għamlu diskors ta’ mibegħda lejn persuni b’diżabilità reat kriminali.

“Premju Soċjetà Ġusta – ċelebrazzjoni tal-ħidma, l-impenn, u d-dedikazzjoni ta’ diversi individwi fis-settur tad-diżabilità. Persuni jew għaqdiet volontarji li qed jagħtu sehemhom fis-settur tad-diżabiltà qed jagħmlu xogħol nobbli.” 

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli tenfasizza kontinwament dwar l-importanza ta’ dan il-premju bħala prova tal-impenn tal-komunità lokali favur l-inklużjoni, b’dan ir-rikonoxximent huwa riflessjoni tal-isforz kollettiv biex tinbena soċjetà fejn kulħadd huwa rispettat u inkluż.  

Saqsejna lil Dr Degaetano dwar kif jara s-soċjetà Maltija llum il-ġurnata.

“Intenni li l-għarfien dwar persuni b’diżabbiltà kiber. Żdiedu l-liġijiet u anke d-drittijiet mhux biss f’dan is-settur iżda anke fil-gruppi LGBTIQ fejn dawn ukoll qed jgħixu ħajja aħjar.”

“B’xorti ħażina għadek issa minoranza ta’ nies fis-soċjetà tagħna li jaħsbu li jistgħu jiddieħku, jiddisprezzaw u jżebilħu b’dawn in-nies. Fil-verità l-ebda gvern, gruppi u organizzazzjonijiet ma jista’ jbiddel dan kollu jekk mhux l-individwu stess li jrid jinduna li qed biss iweġġa’ lil ċerti nies u li m’hu jimpressjona lil ħadd.”

Hu jgħid li n-nies iridu jitgħallmu jkollhom aktar empatija lejn il-proxxmu u jpoġġu lilhom fiż-żarbun ta’ min qed jippruvaw iżebilħu. Hu jixtieq jara aktar inklużjoni fejn in-nies mhux biss jitkellmu dwar id-drittijiet iżda jwettquhom. Hekk kif ikun hemm soċjeta’ inklussiva fejn ħadd ma jbati u jibqa’ barra.

Finalment tlabna lil Dr Alistair Degaetano, rebbieħ tal-premju għall-Kisba tul il-Ħajja fis-Settur tad-Diżabbiltà sabiex iwassal messaġġ lill-persuni b’diżabbiltà f’pajjiżna.

“L-ewwelnett importanti li ma taqtgħux qalbkom għax kif nafu l-ħajja hi mimlija sfidi. Intom għandkom drittijiet daqs ħaddieħor u m’hemmx dak jew l-ieħor. Jien ngħidilkom ukoll biex issemmgħu leħinkom u jekk hemm xi ħaġa li qed iddejjaqkom titkellmu minnufih sabiex l-affarijiet jitranġaw. Anke fil-konsultazzjoni pubblika li jkollu l-gvern, intom bħala persuni tridu tieħdu sehem.”

“Importanti li kulħadd jiġbed ħabel wieħed għax jekk mhux se nkunu aħna li niġġieldu għad-drittijiet tagħna, ħadd mhu se jiġġieled għalina. Bis-saħħa t’hekk, il-gvern jisma’ l-ilmenti mingħand in-nies tagħna stess u eventwalment ikun hemm it-triq ‘il quddiem.”

Ekonomija

Sport