Saturday, November 15, 2025

“L-għarfien, l-edukazzjoni u l-prevenzjoni… iċ-ċavetta biex Malta tikkontrolla u tnaqqas l-effetti negattivi tal-midja soċjali u s-cyberbullying”

- il-Prof. Vincent Marmarà

Aqra wkoll

F’dinja li qed issir dejjem aktar teknoloġika, il-ħajja ta’ kuljum taż-żgħażagħ u t-tfal qed tiġi influwenzata b’mod qawwi mill-midja soċjali. Dawn il-pjattaformi, li jipprovdu komunikazzjoni immedjata u divertiment kontinwu, jistgħu wkoll isiru sors ta’ periklu serju, partikolarment meta nħarsu lejn il-fenomenu ta’ cyberbullying. F’konferenza dwar dan il-fenomenu organizzata mill-assoċjazzjoni bBrave, il-Professur Vincent Marmarà, li stħarreġ l-effetti tal-użu tal-media soċjali u l-cyberbullying f’Malta, tkellem dwar il-qagħda attwali, l-impatt fuq iż-żgħażagħ u l-bżonn urġenti għal kampanji edukattivi u leġislazzjoni b’saħħitha.

Skont ir-riċerka ta’ Profs. Marmarà, madwar 57% tal-parteċipanti ta’ bejn is-16 u l-25 sena rrappurtaw li sofrew minn xi forma ta’ abbuż fuq l-internet. “Din iċ-ċifra turi ċar li l-cyberbullying mhux fenomenu sporadiku jew każwali, iżda realtà kostanti li qed taffettwa ħafna individwi f’Malta, speċjalment iż-żgħażagħ,” qal il-professur. Huwa enfasizza li l-effetti ta’ dan l-abbuż online jistgħu jkunu devastanti, u jinkludu ansjetà, dipressjoni, pressjoni psikoloġika qawwija u f’xi każijiet anke t-tħassib dwar suwiċidju.

Profs. Marmarà , li kien qed jitkellem f’intervista ma’ dan il-ġurnal spjega li l-mod kif iż-żgħażagħ jikkomunikaw mall-hbieb issa nbidel b’mod fundamentali. “Il-komunikazzjoni saret prinċipalment permezz tal-midja soċjali u mhux wiċċ imb’wiċċ. 

Għalhekk, l-emozzjonijiet u s-sentimenti li qed jiġu espressi ma jidhrux kompletament, u dan jista’ jwassal għal nuqqas ta’ empatija u forom ta’ abbuż li spiss ma jiġu identifikati mill-adulti,” qal il-professur. Huwa żied li l-użu kostanti tal-pjattaformi tal-media soċjali jista’ jwassal għal dipendenza psikoloġika, fejn iż-żgħażagħ isibuha diffiċli biex iħarsu lejhom infushom kontra l-pressjoni soċjali u stimoli kontinwi online.

Matul din l-intervista, Profs. Marmarà tkellem dwar il-bżonn ta’ kampanja nazzjonali dwar l-użu responsabbli tal-media soċjali, li skontu trid tkun akbar minn dawk dwar id-droga, l-alkoħol u l-imħatri. “Għandna bżonn ngħallmu n-nies, u b’mod partikulari ż-żgħażagħ, kif jużaw il-midja soċjali b’mod li ma jħallihomx vulnerabbli għall-abbuż u l-cyberbullying,” qal. Huwa sostna li dan għandu jsir permezz ta’ edukazzjoni kontinwa, appoġġ psikoloġiku u studju ta’ każijiet reali biex jinħoloq bilanċ bejn l-użu tal-media u l-protezzjoni tas-saħħa mentali.

Filwaqt li l-midja soċjali tista’ tkun strument utli biex iż-żgħażagħ jikkomunikaw u jiżviluppaw ħiliet soċjali, Profs. Marmarà enfasizza li hemm ħafna perikli moħbija. “Iż-żgħażagħ qed jirċievu pressjoni kontinwa biex jiġu approvati minn ħbiebhom online. Meta dan ma jiġrix, xi wħud iħossu inadegwati, u dan jista’ jwassal għal sentimenti ta’ depressjoni u ansjetà,” qal. Il-professur żied jgħid li l-bulliying online mhuwiex biss kwistjoni ta’ kelma ħażina li tista’ tingħad, iżda spiss jinvolvi abbuż mentali, manipulazzjoni u persunaġġi fittizji li jagħmlu ħsara serja lill-emozzjonijiet tal-vittmi.

Profs. Marmarà rrefera wkoll għall-perspettiva tal-intelliġenza artifiċjali u t-teknoloġija. Skont il-Professur Alexei Dingli, it-teknoloġija qed titqies qisha persuna u mhux sempliċiment għodda. “Tfal u żgħażagħ għandhom jitħarrġu kif joqogħdu attenti f’din is-soċjetà diġitali, kif jidentifikaw il-bidla bejn il-ġid u l-ħażin tagħha,” qal Profs. Marmarà. Dan jinkludi kompetenzi kritiċi biex jipproteġu ruħhom minn pressjoni psikoloġika, abbuż mentali u eventualment problemi ikbar bħal suwiċidju jew vizzji oħra.

Huwa spjega li l-użu tal-midja soċjali mhuwiex qed isir b’mod uniformi fost iż-żgħażagħ kollha. Xi wħud għandhom ħiliet aktar soċjali u emotivi biex jinteraġixxu b’mod responsabbli online, filwaqt li oħrajn huma aktar vulnerabbli għal cyberbullying u stress mentali. “Dan juri l-importanza ta’ edukazzjoni personalizzata u programmi ta’ sensibilizzazzjoni li jikkunsidraw l-età u l-kapaċità emozzjonali ta’ kull individwu,” qal.

Fid-diskussjoni, Profs. Marmarà sostna li l-użu responsabbli tal-media soċjali għandu jkollu regoli ċari. “Bħal ma tgħallimna ssuq karozza bil-mod it-tajjeb qabel ma nirnexxu fis-sewqan, hekk ukoll, iż-żgħażagħ u gruppi akbar ukoll għandhom jitgħallmu kif jużaw il-media soċjali b’mod sigur u responsabbli. Dan ifisser li jkollhom bilanċ bejn ħajja online u offline, u jifhmu meta u kif jużaw il-pjattaformi b’mod li ma jagħmilx ħsara lilhom infushom jew lil oħrajn,” qal il-professur.

Il-fundatur u president ta’ bBrave, Aaron Zammit Apap, ukoll tkellem dwar il-bżonn li l-użu tal-media soċjali jiġi limitat għaż-żgħażagħ taħt is-16-il sena. Skont Zammit Apap, dan jgħin biex jitnaqqas il-vulnerabbiltà ta’ tfal li għadhom m’għandhomx l-esperjenza u l-għarfien meħtieġ biex jipproteġu lilhom infushom online.

Il-Professur Marmarà enfasizza wkoll il-bżonn ta’ studji kontinwi u appoġġ psikoloġiku. “Meta nħarrġu ż-żgħażagħ biex jużaw il-midja soċjali b’mod responsabbli, irridu wkoll niżguraw li jkollhom appoġġ jekk ikollhom esperjenzi negattivi. Dan jinkludi konsulenza psikoloġika u edukazzjoni tal-ġenituri u fl-iskejjel.

Fil-konklużjoni ta’ din l-intervista li għamilna, Profs. Marmarà qal li l-għarfien, l-edukazzjoni u l-prevenzjoni huma ċ-ċavetta biex Malta tikkontrolla u tnaqqas l-effetti negattivi tal-midja soċjali u s-cyberbullying. Kampanji nazzjonali, edukazzjoni fil-iskejjel u appoġġ psikoloġiku huma essenzjali biex iż-żgħażagħ jitħarrġu kif jużaw il-midja soċjali b’mod responsabbli, jaħdmu f’ambjent sigur, u joħolqu bilanċ bejn il-ħajja virtwali u dik reali.

Skont il-Prof. Marmarà, jekk din il-kwistjoni ma tiġix indirizzata b’mod sistematiku, il-konsegwenzi jistgħu jkunu serji u jikkawżaw effetti fit-tul fuq is-saħħa mentali, l-ekonomija u s-socjetà kollha. “L-edukazzjoni u l-prevenzjoni huma l-aħjar mod biex nħarsu l-aktar dawk vulnerabbli, u biex noħolqu ambjent fejn iż-żgħażagħ jistgħu jikbru b’mod sigur u responsabbli f’din id-dinja diġitali,” temm jgħid il-Professur Vincent Marmarà.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport