Thursday, December 26, 2024

L-għargħar affettwa żoni bla sistemi ġodda ta’ ġbir tax-xita

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Kelliem għal Infrastruttura Malta jgħid li fejn ġew installati sistemi ġodda ta’ ġbir tax-xita t-toroq laħħqu mal-volum

L-aġenzija responsabbli mix-xogħlijiet fit-toroq, Infrastruttura Malta, irreaġixxiet għall-kritika li saret minn ċertu nies rigwrard l-għargħar li laqtu ċertu nħawi tal-pajjiż wara x-xita qalila li għamlet it-Tnejn.

Kelliem għal Infrastruttura Malta qalilna li f’inħawi fejn diġà saru proġetti ta’ titjib mill-aġenzija u ġew installati sistemi ġodda għall-ġbir tal-ilma tax-xita jirriżulta li dawn laħħqu tajjeb mal-ilmijiet waqt il-maltempata.

Fl-istess waqt huwa stqarr li l-aġenzija hija konxja u tirrikonoxxi li baqa’ ħafna x’isir biex tittaffa l-problema tal-għargħar f’toroq oħrajn li jispiċċaw mgħarrqin fosthom Triq Sant’ Andrija f’Pembroke u l-Wied tal-Imsida, żewġ żoni li għalihom l-aġenzija diġà għandha ippjanati progetti kbar – Msida Creek Project u Pembroke-St Julian’s Connections – fejn se tibnihom mill-ġdid b’infrastruttura aħjar għal kontra l-għargħar. 

“Minbarra hekk hemm ħafna toroq residenzjali u arterjali oħrajn li wkoll se tkun qed tibnihom mill-ġdid fix-xhur u s-snin li ġejjin”, żied jgħidilna l-kelliem tal-aġenzija. 

Dwar l-għargħar fi Triq Diċembru 13 huwa spjegalna li għalkemm fis-sajf tnaddfu s-sistemi għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita ġara li wara l-maltempati tas-Sibt u l-Ħadd inġarr ħafna skart li jintrema b’mod irresponsabbli fit-toroq u jinġarr lejn l-ispralli mal-ewwel xita u dan imblokka parti mis-sistema. 

Malli dan l-iskart tnaddaf tard ii-Tnejn waranofsinhar mill-kuntratturi ta’ Infrastruttura Malta u l-ħaddiema ta’ Clean Malta – Clenasing and Maintenance Division, id-diffikultà tal-ilma li mela parti mit-triq kienet megħluba malli l-ispralli ma baqħux imblukkati bl-iskart.

Il-kelliem żied jgħidilna li l-aġenzija għaddejja b’ħidma kontinwa biex issir qabża ‘l quddiem fil-kwalità u s-sigutà tat-toroq f’pajjiżna u fakkar kif fis-sentejn li għaddew investiet f’diversi toroq ewlenin u residenzjali u kull fejn kien hemm bżonn installati sistemi ġodda għall-ġbir tal-ilma tax-xita jew bdilet u tejjbet sistemi antiki li diġà kien hemm. 

“Fis-sentejn kemm ilha mwaqqfa diġà nstallat madwar 25 kilometri minn dawn is-sistemi li bħala distanza jġibu mill-Mellieħa sa Birżebbuġa”, huwa kompla jgħidilna.  

Minbarra fi proġetti maġġuri xogħlijiet simili saru wkoll f’diversi toroq oħrajn ewlenin li nbnew kompletament mill-ġdid fosthom Triq Ħal Qormi u Triq San Tumas, ir-rotta ewlenija bejn Ħal Qormi u Ħal Luqa, Triq Ħal Luqa, Santa Luċija, Triq il-Kuċċard, Ħal Safi, Triq l-Aħħar Ħbit mit-Torok, bejn Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun, Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija, l-Imqabba, Triq il-Wied, Ħal Balzan kif ukoll Triq il-Wied, l-Iklin li għadha qed tinbena bħalissa. 

Fil-każ tal-Marsa Junction Project, li x-xogħlijiet fuqu wkoll għadhom għaddejjin, minbarra kilometri ta’ katusi l-aġenzija qed tibni wkoll erba’ ġibjuni għall-ġbir tal-ilma tax-xita. 

L-għargħar taħt waħda mill-flyovers kien f’parti fejn bħalissa hemm triq temporanja li għadha ma tlestietx bis-sistemi kollha ta’ lqugħ tal-ilma tax-xita, iżda nfetħet fil-ġimgħat li għaddew sabiex tibda ttaffi d-diffikultajiet fl-ivvjaġġar.

Matul ix-xhur tas-sajf, Infrastructura Malta wettqet  programm ta’ manutenzjoni fit-toroq madwar il-pajjiż li kien jinkludi spezzjonar u tindif ta’ sistemi eżistenti għall-ilqugħ u ġbir tal-ilma tax-xita. 

Bħala parti minn dan il-programm ġew spezzjonati aktar minn 90% tas-sistemi ta’ pajpijiet u spralli li ġew imnaddfin u anke saru tiswijiet kull fejn kien hemm bżonn. 

Każ partikolari kien dak ta’ Triq l-Imdina, Ħaż-Żebbuġ (il-Bypass ta’ Ħaż-Żebbuġ) fejn fil-passat kien ikun hemm diffikultajiet bl-ilma tax-xita u l-kanali (culverts) f’din it-triq instabu  mblukkati u tranġaw. 

Fejn ikun meħtieġ għal dan ix-xogħol jintużaw sistemi permezz ta’ cameras li jiddaħħlu fil-pajpijiet u l-kanali biex jiġi identifikat fejn ikun hemm imblukkat jew mimli bl-iskart u materjali oħrajn li jintefgħu fit-triq. 

Matul il-jum tat-Tnejn, kuntratturi ta’ Infrastructure Malta komplew isegwu l-andamenti ta’ dawn is-sistemi, u fejn kien hemm bżonn, naddfu u rranġawhom mill-ġdid. 

Il-kelliem żied jgħidilna li wieħed irid jikkunsidra wkoll li l-ammont ta’ xita li għamlet it-Tnejn kien f’livelli rekord u li konna ilna ma naraw bħalha għal ħafna snin. 

Fil-fatt ix-xita li niżlet f’temp t’erba’ sigħat biss kienet aktar mid-doppju tal-medja għal matul Settemrbu kollu u fost l-ogħla li qatt ġiet imkejla f’24 siegħa. Kienet saħansitra tammonta għal 20% tal-medja tax-xita li normalment tagħmel f’sena sħiħa. 

Ekonomija

Sport