Monday, November 3, 2025

‘L-għawm artistiku mhux biss jgħallmek kontroll u kordinazzjoni, imma jagħtik ukoll ħbiberiji u esperjenzi li jibqgħu miegħek għal ħajtek kollha’ – Gail Gauci

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

X’tikkummenta fuq l-esperjenza tiegħek fil-European Aquatics Artistic Swimming Clinic fejn flimkien ma’ Hayley Camilleri, bi kburija, irrappreżentajtu lil Malta?

Din kienet esperjenza tassew sabiħa u ta’ valur kbir, fejn jien u Hayley tgħallimna ħafna affarijiet ġodda dwar l-isport tagħna u kellna l-opportunità niltaqgħu u nagħmlu ħbieb ma’ kowċis u uffiċjali minn pajjiżi differenti.

Inħossuna onorati ħafna li ġejna magħżula biex nirrapreżentaw lil Malta f’din il-klinika, fejn irnexxielna niġbru informazzjoni u għarfien siewi li nistgħu nużaw biex intejbu l-livell tal-isport u tal-atleti tagħna f’Malta. Barra minn hekk, ser inkunu nistgħu naqsmu dak li tgħallimna ma’ kowċis u uffiċjali Maltin oħra waqt li ser inżommu wkoll klinika lokali apposta għal Malta.

Din l-esperjenza għenitni nikber mhux biss bħala kowc imma wkoll bħala persuna, u nirrealizzaw kemm l-għawm artistiku hu sport li jgħaqqad il-passjoni mal-professjonalità.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek mal-klabb tiegħek.

Il-klabb tiegħi huwa bħal familja għalija. Hemm atmosfera pożittiva u ta’ appoġġ fejn ilkoll naħdmu flimkien lejn l-istess għan — li nkunu l-aħjar verżjoni tagħna nfusna kemm bħala kowċis kif ukoll bħala individwi. Il-klabb u l-kowċis tat-tim dejjem iħeġġuna biex nagħtu l-aħjar tagħna, u dejjem hemm sens qawwi ta’ tim u rispett reċiproku. Napprezza ħafna li ninsab parti minn klabb li ma jħarisx biss lejn ir-riżultati iżda wkoll lejn l-iżvilupp personali ta’ kull atleta. Grazzi għal dan l-ambjent, tgħallimt kemm id-dixxiplina u l-impenn huma importanti mhux biss fl-ilma iżda f’kull aspett tal-ħajja.

Kif tqis il-livell tal-għawm artistiku f’pajjiżna fil-preżent?

Il-livell tal-għawm artistiku f’Malta qed jitjieb b’mod kostanti. Qed naraw aktar impenn kemm min-naħa tal-atleti kif ukoll tal-kowċis, u hemm progress ċar fil-kwalità tat-taħriġ u fil-prestazzjonijiet tagħna. Madankollu, hemm bżonn li nkomplu nagħtu aktar opportunitajiet ta’ esperjenzi barra minn Malta biex l-atleti jkunu jistgħu jikkompetu u jitgħallmu f’ambjent internazzjonali. B’pass ġust, nistgħu nibnu futur promettenti għal għawm artistiku f’Malta.

U dak tar-riżorsi fejn tħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Nagħmlu l-aħjar li nistgħu bil-faċilitajiet li għandna, imma hemm ħafna potenzjal għal titjib. Għandna bżonn aktar aċċess għal kmamar tal-gimnastiċi, sabiex inkunu nistgħu nippratikaw għall-rutini tal-akrobatiċi. Għaldaqstant, huwa essenzjali li jkollna aktar għajnuna finanzjarja biex nkunu nistgħu norganizzaw iktar taħriġ speċjalizzat u kompetizzjonijiet ta’ livell għoli.
Dan kollu jwassal biex l-atleti Maltin ikunu jistgħu jikkompetu fuq livell iktar ekwu mal-pajjiżi oħra.

Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek f’dan l-isport li tant tħobb?

Nixtieq inkompli nikber u ntejjeb il-ħiliet tiegħi kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali. L-għan tiegħi hu li nkompli nirrappreżenta lil Malta u, fil-futur, nixtieq ukoll inkun parti minn strutturi li jappoġġjaw lit-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jidħlu f’dan l-isport tal-għawm artistiku. Nemmen li bil-passjoni u d-dedikazzjoni, nistgħu nibnu komunità iktar b’saħħitha ta’ għawwiema artistiċi f’Malta.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-għawm artistiku.

Ngħidilhom biex jagħmlu l-ewwel pass u ma jibżgħux jippruvaw. Aħna l-Maltin inħobbu l-baħar u l-għawm — u bil-għawm artistiku, tista’ tagħmel dan matul is-sena kollha! Għaliex mhux biss taħdem fuq is-saħħa tiegħek, iżda wkoll tibni ħiliet oħra li jżidu l-valur tiegħek bħala atleta u bħala persuna. L-għawm artistiku jgħaqqad is-saħħa, l-eleganza, id-dixxiplina u l-kreattività – huwa taħlita ta’ għawm, żfin u gymnastics f’sport wieħed li verament jispira. Għalkemm jista’ jidher diffiċli fil-bidu, is-sodisfazzjon li tħoss meta tagħmel progress u meta taħdem f’tim huwa kbir ħafna. Dan l-isport mhux biss jgħallmek kontroll u kordinazzjoni, imma jagħtik ukoll ħbiberiji u esperjenzi li jibqgħu miegħek għal ħajtek kollha.

.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport