DCapitals Big Band ser ikunu qed itellgħu l-għaxar edizzjoni tal-kunċert annwali tagħhom fiċ-Ċittadella nhar is-Sibt 2 ta’ Awwissu fid-9.00pm.
Il-mistieden speċjali għal dan il-kunċert huwa l-kantant Kevin Borg li flimkien mal-kantanti residenti tal-band Francesca Sciberras, Gail Attard, Eliża Stellini, Alexia Micallef, Thea Aquilina (Ir-rebbieħa tal-Festival Kantamagħna 2025) u Giorgio Anici Camilleri ( Ir-rebbieħ ta’ Kantamagħna Junior), ser ikunu qed jingħaqdu ma’ din il-Big Band taħt id-direzzjoni tas-Surmast Mro George Apap, li huwa wkoll il-fundatur ta’ din il-band. Jieħdu sehem ukoll żeffiena minn Centre Stage Dance Academy immexija minn Natalie Sciortino.

DCapitals twaqqfu f’Awwissu 2014 u tul dawn l-għaxar snin ħadu sehem f’għadd kbir ta’ kunċerti f’Għawdex u f’Malta. F’Diċembru 2016 il-band daqqet għall-ewwel darba barra minn xtutna fejn ġiet mistiendna bħala guest band fil-festival Sanremo Senior ġewwa t-Teatro dell’Opera del Casino f’Sanremo l-Italja. Fi Frar 2018 f’kollaborazzjoni mal-kantanta Taljana Aida Satta Flores, il-band daqqet f’kunċert f’Palermo, u f’Settembru tal-istess sena ħadet sehem fil-Big Band Jam ġewwa Liberec fir-Repubblika Ċeka.
F’Settembru li għadda l-band daqqet ukoll ġewwa Ortezzano fl-Italja. Matul is-snin DCapitals ikkollaboraw ma’ diversi artisti rinomati lokali u anke internazzjonali fosthom Cristina Ramos, kantanta Spanjola, rebbieħa ta’ Spain’s Got Talent, La Voz tal-Messiku, u finalista ta’ America’s Got Talent (The Champions).
DCapitals huma wkoll l-organizzaturi tal-festival Kantamagħna u ċ-Cittadella Arts Festival.
Id-dħul għall-kunċert huwa mingħajr ħlas. Il-kunċert qed jittella’ bil-kollaborazzjoni tal- Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, id-Direttorat għall-Wirt Kulturali f’Għawdex u l-Kunsill Malti għall-Arti.